Għawdex Lokali

Fil-periklu tal-mewt wara ħabta f’Għajnsielem

Tifel u żagħżugħ qed isofru minn feriti gravi.

Mara tinsab fil-periklu tal-mewt wara li kienet involuta f’ħabta bejn żewġ karozzi f’Għajnsielem. Tifel u żagħżugħ li kienu jinsabu fil-karozza l-oħra qed isofru feriti gravi. L-inċident seħħ fi Triq l-Imġarr fis-1am.

Il-mara li skont l-ewwel indikazzjonijiet hija ta’ nazzjonalità barranija kienet passiġġiera ma’ Norveġiż ta’ 43 sena li joqgħod Ta’ Kerċem. Hija kellha tittieħed l-Isptar Mater Dei mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex permezz ta’ ħelikopter minħabba l-ġrieħi serji li ġarrbet. Fil-karozza kien hemm ukoll Amerikan ta’ 47 sena residenti r-Rabat Għawdex, u Ġermaniż ta’ 51 sena residenti x-Xagħra u mara mil-Latvja ta’ 41 sena li tgħix is-Swieqi.

Il-vettura l-oħra kienet misjuqa minn mara ta’ 36 sena min-Nadur. Rekbin magħha kien hemm Kanadiża ta’ 45 sena, tifel u żagħżugħ bl-etajiet ta’ disa’ snin u 14-il sena li ġew iċċertifikati li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi. Magħhom kien hemm ukoll tifel ieħor ta’ 11-il sena

Il-Maġistrat Bridgette Sultana fetħet inkjesta fuq il-każ.

Intant dan mhux l-ewwel inċident li seħħ f’din it-triq, anzi s-Sindku ta’ Għajnsielem Kevin Cauchi, permezz ta’ post fuq Facebook mill-ġdid wera l-ħsibijiet tiegħu fuq dan u kif din it-triq bosta drabi qed tkun ta’ periklu kemm għas-sewwieqa u kif ukoll għar-residenti.

Huwa mill-ġdid ġibed l-attenzjoni li tul l-aħħar ġimgħa seħħew minn tal-anqas tlett inċidenti. Huwa appella biex isiru aktar testijiet tal-veloċità f’din it-triq.

Talab ukoll lill-awtoritajiet biex jisimgħu lill-Kunsill biex b’hekk tittieħed prekawżjoni ġusta għal kull min jagħmel użu minn din it-triq.

https://www.facebook.com/100000279817066/posts/2680069625345672?s=100000279817066&sfns=mo