Futbol Sport

Gowl mill-isbaħ ta’ Aduriz jikkundanna lil Barcelona għall-ewwel telfa f’La Liga

(Ritratt: Marca)

Ġmiel ta’ gowl mill-veteran Aritz Aduriz ikkundanna liċ-champions Spanjoli Barcelona għall-ewwel telfa fil-kampjonat. Barcelona kienu mingħajr Lionel Messi li għadu mhux fl-aqwa kundizzjoni fiżika filwaqt li fl-ewwel taqsima tilfu lil Luis Suarez li ġie mibdul minn Rafinha.

Din ir-rebħa hi frott ta’ prestazzjoni pożittiva li kellhom Athletic Bilbao hekk kif fl-ewwel taqsima kienu ta’ periklu għal Marc-Andre ter Stegen li fosthom ħareġ l-aħjar tiegħu biex bi bravura dawwar f’korner ix-xutt ta’ Inaki Williams wara seba’ minuti.

Barcelona laqtu l-lasta fit-32 minuta b’Luis Suarez jolqot il-wieqfa wara żball difensiv, bil-Katalani jerġgħu jolqtu l-lasta fl-44 minuta b’xutt sabiħ ta’ Rafinha li ntmess mill-gowlkiper qabel stampa mal-wieqfa. L-aħjar ċans fit-tieni taqsima għal Barcelona wasal fis-70 minuta b’xutt b’saħħtu mill-kaxxa ta’ Ivan Rakitic li għadda għoli.

Kien fid-89 minuta li Athletic Bilbao skorjaw il-gowl tar-rebħa meta s-sostitut Aritz Aduriz li kien ilu ftit sekondi fil-pitch, irċieva kross mil-lemin ta’ Ander Capa u b’ġest akrobatiku mill-isbaħ inqata’ minn mal-art u għeleb lil ter Stegen b’konklużjoni b’saħħitha, fost il-ferħ kbir fl-istadium San Mames.

La Liga

Illum: Athletic Bilbao v Barcelona   1-0

Għada: Celta Vigo v Real Madrid 5.00pm, Valencia v Real Sociedad 7.00pm, Mallorca v Eibar 8.00pm, Leganes v Osasuna 9.00pm, Villarreal v Granada 9.00pm

Il-Ħadd: Deportivo Alaves v Levante 5.00pm, Espanyol v Sevilla 7.00pm, Real Betis v Real Valladolid 9.00pm, Atletico Madrid v Getafe 10.00pm