Xabbatur magħruf, bil-laqam ‘Spiderman Franċiż’, tela’ ma’ skyscraper ta’ Hong Kong fejn tella’ bandiera biex iħeġġeġ għall-paċi f’din il-belt, li ilha l-ġimgħat mheżża bl-inkwiet politiku.
Il-bandiera li fetaħ Alain Robert, li jgawdi fama internazzjonali, simbolizzat sitwazzjoni meta żewġ persuni jieħdu b’idejn xulxin, filwaqt li inkorporat ukoll il-bnadar ta’ Hong Kong u ċ-Ċina.
It-territorju ta’ Hong Kong għadda minn xhur ta’ protesti kontra l-Gvern li kemm-il darba rriżultaw fil-konfronti vjolenti bejn id-dimostranti u l-pulizija.
Min-naħa tiegħu, Robert, li għandu 57 sena u li kiseb reputazzjoni għall-ħila tiegħu biex jixxabbat mal-ogħla bini tad-dinja, sostna li d-dimostrazzjoni għandha titqies bħala ‘appell urġenti għall-paċi u konsultazzjoni bejn il-poplu f’Hong Kong u l-Gvern tiegħu.’
Ix-xabbatur, mill-ġdid, ma uża l-ebda ħabel jew apparat ta’ sigurtà meta tela mal-bini taċ-ċentru ta’ Cheung Kong li hu għoli 68 sular. Intant, Robert kemm il-darba għamel dawn id-dimostrazzjonijiet għall-għarrieda u mingħajr ma kien talab il-permess.
Il-protesti f’Hong Kong bdew f’April minħabba l-pjani għal abbozz ta’ liġi li jiffaċilita l-estradizzjoni ta’ residenti mit-territorju lejn iċ-Ċina ‘fl-interessi tal-ġustizzja’. Dan waqt li l-kritiċi wissew li l-abbozz kapaċi jtellef il-libertà legali ta’ Hong Kong minbarra li jintuża biex joħnoq lid-dissidenti.
Id-dimostrazzjonijiet issa assumew dimensjoni aktar wiesgħa, bin-nies ta’ Hong Kong qed jinsistu biex iċ-ċittadini fit-territorju jingħataw id-drittijiet demokratiċi sħaħ u biex issir inkjesta indipendenti dwar ir-reazzjonijiet vjolenti tal-pulizija waqt il-protesti.
//= $special ?>