Il-Korea ta’ Fuq komunista ċaħdet li jsiru aktar taħditiet ta’ paċi mal-Korea t’Isfel u qalet li ħadet din id-deċiżjoni ‘minħabba l-azzjonijiet tal-Gvern f’Seoul’.
Ir-reġim fi Pyongyang qal ukoll li l-awtoritajiet f’Seoul ‘jaħtu kompletament għal din is-sitwazzjoni’ meta kien qed jirreaġġixxi għal diskors li kien għamel aktar qabel il-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in.
Sadanittant, il-Korea komunista sparat mill-ġdid żewġ missili għal ġol-baħar bħala prova – is-sitt waħda tipika f’anqas minn xahar. L-aħħar prova saret qrib il-kosta Koreana lejn il-Lvant, fejn il-missili, ta’ tip mhux identifikat, ‘laħqu għoli ta’ 30 kilometru’. Id-dettalji ngħataw mill-ogħla kapijiet militari tal-Korea t’Isfel.
Qabel l-azzjoni, il-President tal-Korea t’Isfel kien tkellem dwar il-liberazzjoni tal-Koreani mill-ħakma tal-Ġappun, għexieren ta’ snin ilu, waqt li ħalef biex jgħaqqad il-peniżola tal-Korea sal-2045. Il-Korea kienet effettivament inqasmet f’żewġ pajjiżi – il-Korea t’Isfel u l-Korea ta’ Fuq – mat-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Intant, Moon Jae-in qal li l-impenn għad-denuklearizzazzjoni tal-peniżola Koreana jinsab fl-aktar punt kritiku, meta spiċċaw staġnati t-taħtidiet bejn il-Korea t’Isfel u l-Korea ta’ Fuq.
Min-naħa tagħha, il-Korea ta’ Fuq, permezz ta’ stqarrija, ikkuntestat ‘it-tifsira tad-djalogu’ waqt li kritikat il-fatt li l-Korea t’Isfel ‘dak il-ħin stess’ kienet għaddejja bl-eżerċizzji militari komuni mal-qawwiet tal-Istati Uniti,
Ir-reġim ta’ Pyongyang, li jfissser dawn il-provi bħala ‘tħejjija għal gwerra’, anki kkundanna lil Moon Jae-in ‘talli qed jimpenja ruħu f’dawn ix-xenarji ta’ gwerra potenzjali waqt li, fl-istess ħin, jitkellem dwar id-djalogu inter-Korean’.
//= $special ?>