Festi Lokali

L-Imġarrin jiċċelebraw Santa Marija

Il-Festa ta’ Santa Marija f’pajjiżna tiġi ċċelebrata fi  8 parroċċi nhar il-15 t’Awwissu – 7 f’Malta, u waħda f’Għawdex, iżda nhar il-Ħadd li ġej din il-festa tiġi ċċelebrata fl-Imġarr, Malta u f’Ħad Dingli.

Net News żar il-lokalità tal-Imġarr. Lokalità fejn jispikka fatt karatteristiku partikolari. Dak tal-offerta, li tara gruppi ta’ reffiegħa li jagħmlu l-offerti tagħhom , bil-grupp li jagħmel l-aħjar offerta jingħata ċ-ċans li jerfa’ hu l-istatwa għal dik is-sena.

Il-flus miġbura din is-sena se jintużaw biex ikompli jsir ir-restawr tal-oratorju tal-parroċċa.

Fil-ħin taż-żjara tagħhna, kienu għaddejjin l-aħħar preparatmenti għall-festa f’dan ir-raħal ċkejken. Preparamenti li kellhom ukoll ikunu posposti minħabba r-riħ li laqat il-gżejjer Maltin fl-aħħar jiem.

Jitlesta l-aħħar ftit armar, u kollox ikun lest biex l-Imġarrin u dawk kollha li jżuru dan ir-raħal pittoresk, ikunu jistgħu igawdu l-festa li tant iħobbu.