Lokali

L-immigrant salvat mill-AFM jgħid li kienu 15 fuq id-dinghy

Kienu ħmistax. Fadal biss wieħed.

13-il katavru, li wieħed wieħed kellhom jitniżżlu fil-baħar. 

Mohammed Adam Oga kien l-uniku wieħed li żgiċċa minn ħalq il-mewt, wara jiem fuq dinghy, u fl-aħħar sigħat li għamel fuq il-baħar kellu miegħu biss il-ġisem bla ħajja ta’ Ismail. Iżda fi kliem Oga stess, hu ma kienx intebaħ li sieħbu kien miet meta kienu għadhom fid-dinghy.

F’intervista mqanqla li ta lill-ġurnal Times of Malta, Oga rrakkonta kif hu kien ilu 15-il sena li beda’ l-vjaġġ tiegħu mill-Etjopja. Vjaġġ li kellu jtih ħajja ġdida. L-istess tama tiegħu qasmuha miegħu 14-il persuna oħra, fosthom mara tqila.  14 il-ħajja – anzi ħmistax li ntemmew fuq il-baħar mediterran, ma’ kull tama ta ħajja aħjar.

Oga spjega kif kienu ilhom 11-il jum fuq il-baħar, li matulhom għaddew minn maġenbhom kemm vapuri kif ukoll helicopters, u li l-immigranti abbord id-dinghy ppruvaw jiġbdulhom l-attenzjoni billi jgħajtu għall- ajjut, iżda kien kollu ta’ xejn, u ftit wara spiċċaw il-provvisti tal-ikel u l-ilma kif ukoll il-fuel.

Mingħajr kenn mis-sħana tremenda u bla ilma ħelu, l-immigranti, f’disprament bdew jixorbu l-ilma baħar, izda saħħithom bdiet sejra lura minħabba f’hekk u wieħed wieħed bdew imutu.

Ix-xemx tiżreġ fuqhom fissret li l-iġsma ta’ dawk li bdew imutu malajr bdew il-proċess ta’ dikompożizzjoni, u għaldaqstant dawk li baqgħu ħajjin ma kellhomx għażla oħra għajr li jniżżlu l-iġsma ta’ sħabhom fil-baħar.

Oga ra lil kull wieħed minn dawk abbord jitniżżel fl-ilma. Kull wieħed għajr Ismail, li baqa’ miegħu sa l-aħħar sigħat. Iżda Oga ma ntebaħx li sieħbu, fl-aħħar sigħat, kien ukoll tilef il-ġlieda mall-mewt.  

Kellha tkun operazzjoni tal-Forzi Armati ta’ Malta li ssalva ħajjet Oga, li llum jisanb jirkupra fl-isptar Mater Dei, u minbarra diżidratazzjoni qawwija, jidher li m’għandux komplikazzjonijiet oħra.

Oga, li għandu 38 sena, ħallas $700 għall-vjaġġ li kellu jtih futur aħjar. Hu m’għandu l-ebda memorja tas-salvataġġ, iżda esprima l-gratitudni tiegħu lejn l-AFM – persuni, li Oga qal, bagħthom Alla biex isalvawh.