Ewropa Lokali

“Malta għandha tkun ta’ eżempju” – NGOs jappellaw biex l-immigranti jiddaħlu f’pajjiżna

Filwaqt li t-350 immigrant jibqgħu jistennew u jittamaw li l-Ewropa tħenn għalihom u toffrilhom port sigur fejn jinżlu, 23 NGO Maltija għamlu appell imqanqal lill-Gvern fejn saħqu li Malta għandha tkun ta’ eżempju, u talbu lill-awtoritajiet jagħtu permess biex dawn l-immigranti jiddaħħlu f’pajjiżna – irrispettivament jekk Malta hix responsabbli legalment skont il-liġijiet internazzjonali.

L-istqarrija tgħid li waqt li l-jiem saru ġimgħat, ħadd mill-Membri Stati tal-Unjoni Ewropea baqa’ ma offra kenn u għadhom sal-lum ikaxkru saqajhom. Sadanittant, il-kundizzjonijiet ta’ saħħa ta’ dawn il-persuni qegħda kull ma jmur tiddeterjora.

L-NGOs qalu li l-argument li dawn il-persuni għandhom jintbagħtu lura l-Libja huwa inaċċettabli. Dan għaliex hemm ikunu qed jirriskjaw li jintbagħtu l-ħabs, kif ukoll riskji ta’ tortura, stupru u skjavitù.

Daqstantieħor, tkompli l-istqarrija, huwa inaċċettabbli l-argument li xi Stat Membru jkun ġustifikat li jirrifjuta l-iżbark ta’ persuni salvati minn għaqdiet volontarji, u tikkwota l-liġi marittima internazzjonali li tgħid li l-priorità hija li jiġu salvati l-ħajjiet u li jkun assigurt l-iżbark f’post sigur, irrispettivament ta’ min mexxa s-salvataġġ. Għaldaqstant is-salvataġġ tal-ħajjiet huwa obbligu legali – u taħt l-ebda ċirkustanza ma jista’ jitqies ħazin.

L-NGOs qed jinsistu li l-Ewropa qegħda kontinwament tagħlaq il-bibien tagħha lil persuni li qed jaħarbu l-periklu – xi ħaġa,  kundannabbli għall-aħħar, u tradiment tal-prinċipji li suppost jiddefinixxuna u tar-regoli li qegħdin hemm biex jipproteġuna.

Barra minn hekk, tkompli l-istqarrija, huwa ċar ukoll li l-pajjiżi fix-xifer tal-kontinent Ewropew, bħal Malta, l-Italja u l-Greċja, ma jistgħux u m’għandhomx jitħallew jiffaċċjaw din is-sitwazzjoni ta’ sfida waħedhom.

Għaldaqstant, l-għaqdiet volontarji, qed jappellaw lill-istituzzjonijiet Ewropej u l-Membri Stati biex jieħdu responsabbiltà kollettiva għat-traġedja li qed tiżvolġi fuq l-għatba tal-Ewropa, u sabiex jieħdu azzjoni konkreta dwar dan. Dan biex ikun żgurat li jinżlu fejn jinżlu dawn il-persuni,dawn jintlaqħu f’kundizzjonijiet li tirrispetta d-dinjità tagħhom.

L-appell ta’ dawn l-għaqdiet jiġi biss ftit tal-jiem wara li permezz ta’ post fuq Facebook il-Kap tal-PN Adrian Delia appella lill-Gvern biex jieqaf ikun inuman, u sabiex persuni li b’disprament qed jistennew l-għajnuna, tingħatlhom din l-għajnuna. Fl-istess waqt sostna li l-membri stati fl-Unjoni Ewropea għandhom ukoll jerfgħu r-responsabbiltà skont kemm tassew il-pajjiż tagħhom jiflaħ.

Intant fi stqariija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożjzzjoni għall-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici, il-Partit Nazzjonalista wkoll appella li għandna nibqgħu poplu li għandu l-valuri nsara tiegħu f’posthom. L-istqarrija kompliet li l-Partit Nazzjonalista jifhem id-diffikultajiet u l-komplikazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea, imma m’għandux jkun hemm skużi quddiem il-ħajja ta’ bnedmin bħalna.