Sport Waterpolo

Malta ttemm il-Kampjonat Ewropew fit-12-il post

(Ritratt: Georgia Aquatic Associations)
Jintrebaħ protest għal Technical Error lejn it-tmiem

OLANDA……………………. 15 MALTA…………………………..  9

(5-2), (4-3), (2-1), (4-3)

It-tim nazzjonali Malti kklassifika fit-12-il post fil-Kampjonat Ewropew wara li kien megħlub 15-9 mill-Olanda. Il-prestazzjoni taż-żgħażagħ Maltin setgħet kienet aħjar hekk kif l-Olandiżi mhumiex wisq aħjar bħala tim għalkemm huma aktar preċiżi.

Minkejja din it-telfa, dan it-tournament għandu jitqies pożittiv għat-tim Malti hekk kif jinsab mal-aqwa 12 fl-Ewropa. Jibqgħu jissemmew il-prestazzjonijiet kontra t-Turkija u r-Russja.

L-Olanda fetħu vantaġġ ta’ 6-2 fl-ewwel sessjoni hekk kif wara li Jake Bonavia kien ġab id-draw minn man-up, l-Olanda skorjat tliet darbiet f’madwar minuta u nofs. Bonavia naqqas id-distakk minn man-up iżda l-Olandiżi skorjaw darbtejn fl-aħħar minuta.

Jake Bonavia għamel l-iskor 6-3 meta skorja ġmiel ta’ gowl mil-lemin wara li qabbeż fuq il-gowlkiper Vermeulen. Il-plejer ta’ San Ġiljan kompla jispikka hekk kif lejn nofs is-sessjoni rebaħ penalty wara ħarba tajba minn kontrattakk. Jake Muscat skorja l-penalty u daħħal lit-tim fil-logħba.

Il-kowċ Olandiż sejjaħ time-out u dan ħalla effett hekk kif l-Olandiżi skorjaw darbtejn minn penalty ta’ Emiel Wouters u gowl ta’ Lars Ten Broek. Bonavia naqqas id-distakk mill-ewwel iżda Mart van der Weijden daħħal lill-Olandiżi 9-5 minn fuq bl-aħħar xutt tas-sessjoni.

Karl Izzo ma kienx kuntent bil-prestazzjoni u fil-ħin tal-mistrieħ talab reazzjoni. Jake Muscat skorja minn penalty fil-bidu tat-tielet sessjoni u deher li seta’ jibda rimonta Maltija, iżda Miguel Vassallo salva penalty u qasmu l-logħob mal-avversarji, fl-attakk ma kinitx fl-aħjar ġurnata u dan wassall biex l-Olandiżi skorjaw darbtejn fi ftit ħin biex prattikament aċċertaw mir-rebħa.

B’distakk ta’ 11-6, l-Olandiżi amministraw il-logħba fl-aħħar sessjoni. Gianni Farrugia u Jake Muscat darbtejn skorjaw iżda lejn it-tmiem tħassar lob sabiħ ta’ Gianni Farrugia minħabba li r-referee ġġudika li ma jistax jiġi skorjat gowl minn time-out. L-Olanda għalqet il-logħba b’gowl tal-gowlkiper Joris Guerts.

Malta permezz tal-President tal-ASA Joe Caruana Curran għamel protest għal Technical Error wara l-aħħar gowl Malti ta’ Farrugia. Malta ngħatat raġun u reġgħu u wara l-aħħar logħba, intlagħbu l-aħħar 26 sekonda li fihom ma sarx gowl biex b’hekk l-aħħar gowl Olandiż tħassar.

Olanda: B. Vermeulen, E. Wouters (2), A. de Haan, F. Kastrop (1), T. Ten Wolde, T. Schouwerwou (2), L. ten Broek (3), Y. Loos, D. Rempt (2), K. te Riele (1), J. Sjardijn (2), M. van der Weijden (2), J. Geurts

Malta: M. Vassallo, J. Farrugia, N. Schiavone, G. Melillo, M. Carani, B. Cachia, L. Falzon, S. Busuttil, G. Farrugia (1), J. Bonavia (4), J. Saliba, J. Muscat (4), M. Rossi

Referees: Luca Castagnola (Italja), Vladimir Galkin (Russja)