Sport Sport Ieħor

Murray jagħżel li jikkonċentra fuq il-logħob individwali

(Ritratt: Getty Images)

L-eks numru wieħed tad-dinja Andy Murray mhux se jieħu sehem fl-Open tal-Istati Uniti. Ir-rebbieħ tal-2012 kellu l-ħsieb li jieħu sehem fid-doubles iżda kkonferma li għalissa mhux se jkun qed jieħu sehem f’kompetizzjoni ma’ xi ħadd ieħor biex jikkonċentra fuq il-logħob individwali tiegħu.

Murray qal dan wara li flimkien ma’ Feliciano Lopez għadda mal-aħħar tmienja tad-doubles fil-Masters ta’ Cincinnati. Hu kompla li l-fatt li jilgħab fid-doubles jew il-mixed doubles jistgħu jfassru li jtappan ftit il-progress tiegħu fiżikament.

L-Iskoċċiż ħa l-aħħar wildcard għat-tournament tal-ġimgħa d-dieħla f’Winston-Salem. Hu jinsab ma’ Kevin Anderson, Denis Shapovalov u Tomas Berdych fil-polza. Ħafna mit-tennisti li se jilagħbu huma barra l-aqwa 50 tad-dinja u oħrajn barra l-ewwel 100.

Murray li f’Jannar għamel operazzjoni f’ġenbu li prattikament salvat il-karriera tiegħu, qal li bħalissa jrid il-logħbiet. Hu kompla li jrid jiffoka biex jilgħab waħdu, speċjalment minħabba li min issa sal-aħħar tas-sena ftit hemm tournaments.

It-tennist jista’ jkun li jieħu sehem f’tournament li jibda fis-26 ta’ Awwissu waqt li jkun beda l-Open tal-Istati Uniti. Lejn tmiem Settembru, Murray se jmur iċ-Ċina fejn hu mistenni jilgħab f’Zhuhai u Beijing. Il-Masters ta’ Shanghai l-ġimgħa ta’ wara hi għażla oħra għalih, b’Murray jgħid li jittama li jilgħab tliet jew erba’ avvenimenti oħra qabel tispiċċa s-sena.

Tags