Futbol Sport

Myles Beerman jibda avventura ġdida ma’ Hibernians

(Ritratt: Trevor Sollars)

Hibernians għamlu akkwist importanti fuq in-naħa xellugija tad-difiża hekk kif Myles Beerman ingħaqad magħhom b’kuntratt ta’ tliet snin. Hu se jkun qed jieħu post Isaac N’Tow li ngħaqad ma’ Birkirkara u b’hekk se jagħti għażla oħra lill-kowċ Stefano Sanderra.

Beerman li għandu 20 sena beda jilgħab il-futbol man-nursery ta’ Floriana u meta kellu 15-il sena kien ingħaqad ma’ Manchester City fejn dam magħhom sentejn. Fl-2016 Beerman ingħaqad ma’ Rangers fejn saħansitra lagħab seba’ logħbiet mal-ewwel tim fil-Kampjonat Skoċċiż. Fl-istaġun 2017/18 lagħab it-tieni parti tal-istaġun ma’ Queen of the South. Hu rritorna f’pajjiżna fl-istaġun li għadda fejn fl-ewwel parti lagħab ma’ Birkirkara qabel f’Jannar ingħaqad ukoll b’self ma’ Gżira United.

F’dan is-suq tat-trasferimenti, il-Pawlisti akkwistaw ukoll lill-gowlkiper Matthew Calleja Cremona, lid-difensur Ferdinando Apap, lill-plejer versatili Jens Wemmer u l-attakkanti Leonardo Nanni u Terence Groothusen.