Lokali Saħħa

Sitwazzjoni mill-aktar inkwetanti fl-Isptar Monte Carmeli

Mill-Arkivji

“Kollox jindika li fl-Isptar Monte Carmeli – l-Isptar intenzjonat li joffri kura speċjalizzata u personalizzata lill-pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali – mhux biss qiegħed ikompli jiddeterjora, iżda għall-Gvern kulmin qiegħed hemmhekk għal xi tip ta’ kura hu biss numru.”

Din id-dikjarazzjoni għamilha ma’ In-Nazzjon professjonist li joffri s-servizzi tiegħu fl-istess sptar hekk kif fl-aħħar ġimgħat is-sitwazzjoni fl-Isptar Monte Carmeli ddeterjorat sal-punt li issa anki l-unions li jirrappreżentaw lill-infermieri qed jiċċaqilqu u jwasslu messaġġ ċar li s-sitwazzjoni m’għadhiex aktar waħda tenibbli.

Fin-nofs m’hemmx biss is-suppost kura professjonali li suppost jingħataw il-pazjenti li hemm f’dan l-isptar, iżda hemm ukoll saħħet dawk kollha li b’xi mod jew ieħor iservu f’dan l-isptar… jiġifieri l-professuri, it-tobba, l-infermieri, il-carers, ħaddiema klerikali u oħrajn manwali u kulmin b’xi mod iservi f’dan l-isptar,” kompla jgħidilna s-sors tagħna.

Hu żied li “s-sitwazzjoni hi tat-tħassib aktar u aktar għall-fatt li donnu l-Gvern ma għandu l-ebda interess fiż-żamma tal-post li b’riżultat tas-snin twal li ilu jiffunzjona, issa jinsab fi stat iddisprat li jew jitranġa mill-qiegħ, inkella jingħalaq darba għal dejjem.

Ix-xogħlijiet meħtieġa ta’ rinnovazzjoni jew ta’ bini mill-ġdid biex l-Isptar ikun jirrifletti ż-żminijiet tal-lum huma kbar ħafna. Filwaqt li suppost li qed isiru xi xogħlijiet f’xi swali, il-pazjenti li kien hemm fis-swali l-milquta kienu trasferiti għal swali oħrajn bir-riżultat li fil-preżent hemm għadd kbir ta’ pazjenti fi swali relattivament żgħar għall-għadd kbir ta’ sodod li fihom.

Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu, aktar kmieni din il-ġimgħa Paul Pace, il-President tal-Union Maltija tal-Qwiebel u l-Infermieri (MUMN), ordna biex b’effett immedjat l-infermieri fl-Isptar Monte Carmeli jirrifjutaw li jżidu sodod fis-swali tagħhom filwaqt li jirrifjutaw ukoll aktar pazjenti meta s-sala fejn iservu tkun mimlija.

Tajjeb li wieħed ifakkar f’dikjarazzjoni li għamel quddiem il-Kumitat Parlamentari ftit tal-jiem ilu Paul Dalli, li kien Kap tal-Operazzjonijiet fl-Isptar Monte Carmeli, li stqarr li l-kundizzjonijiet fqar li l-pazjenti f’dan l-Isptar qed ikollhom jgħixu bihom huma mill-aktar tal-mistħija.

Dakinhar hu qal li l-pazjenti f’Monte Carmeli ma jkollhomx għażla oħra għajr li jinħaslu għarwenin fejn xulxin, “bla privatezza ta’ xejn”. Tenna li l-madum u s-soqfa fl-Isptar huma fi stat makabru ħafna u li Monte Carmeli jinsab fi stat diżastruż għall-aħħar, bl-ebda manutenzjoni jew kważi xejn ma ssir fl-aħħar snin.Minħabba l-ilma ffriżat li kienu jinħaslu bih il-pazjenti anki fl-eqqel tax-xitwa, xi tobba kienu jinfurmawh li l-mediċina li kienu jagħtu lill-pazjenti hemm ċans li lanqas biss tħalli effett minħabba li t-temperatura tal-ġisem tkun niżlet f’daqqa.