Internazzjonali

Stati Uniti: Il-‘Hollywood Ripper’ misjub ħati dwar omiċidju

Qattiel imlaqqam ‘Hollywood Ripper’ instab ħati dwar l-omiċidji ta’ żewġ nisa, bis-sentenza tiegħu mistennija tkun ikkonfermata aktar ‘il quddiem.

Hemm possibbiltà li Michael Gargiulo — li l-prosekuturi fissruh bħala ‘serial killer mingħajr kuxjenza’  – jingħata l-piena tal-mewt, għalkemm l-Istat ta’ Kalifornja, riċentement, kienet ħarġet moratorjum għall-esekuzzjonijiet.

Gargiulo, li  kien jippjana l-attakki fuq in-nisa, anki nstab ħati dwar attentat ta’ qtil, fl-2008, fuq mara ta’ 26 sena li salvat u telgħet tixhed kontra tiegħu.

L-attur famuż, Ashton Kutcher, ukoll kien tela’ jixhed waqt il-proċess peress li hu kien irranġa biex joħroġ ma’ waħda mill-vittmi tal-qattiel —  Ashley Ellerin ta’ 22 sena – proprju fil-lejl meta hi inqatlet. Ellerin kienet instabet mejta l-għada, b’diversi daqqiet ta’ sikkina.

Il-vittma l-oħra, mara ta’ 32 u waħda mill-ġirien ta; Ellerin, ukoll kienet inqatlet b’daqqiet ta’ sikkina, bin-natura brutali tal-attakki – u l-fatt li ntużat sikkina f’kull każ – jgħinu fit-tfassil tad-deskrizzjoni ‘Hollywood Ripper’.

Gargiulo hu anki akkużat b’omiċidju ieħor li kien seħħ f’Illinois fl-1993. Intant, mhux eskluż li hu jispiċċa estradit lejn Illnois għal proċess separat b’konnessjoni ma’ dak ir-reat.