Ilbieraħ tħabbret il-mewt ta’ wieħed mill-akbar artisti li qatt ra pajjiżna – Philip Chircop. Philip Chircop twieled Ħaż-Żebbuġ fl-1943. Huwa studja għal għaxar snin Iskola tal-Arti tal-Gvern taħt George Borg, Antoine Camilleri, Karmenu Mangion u Esprit Barthet. Fl-1972 attenda wkoll kors tas-sajf fl-Accademia di Belle Arti f’Perugia, l-Italja.
Chircop issieħeb fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni bħala għalliema tal-arti b’karriera twila ta’ 43 sena fit-tagħlim. Meqjus bħala wieħed mill-artisti astratt, Chircop ħa sehem f’bosta wirjiet solo u kollettivi f’Malta u barra minn xtutna. Ix-xogħol tiegħu żviluppa fil-kwiet iżda b’mod intensiv matul is-snin.
Ftit wara li lesta l-istudji artistiċi tiegħu fl-Iskola tal-Arti tal-Gvern, fl-1969, huwa sab ħeġġa naturali li jimbarka fuq vjaġġ personali ta’ awto-skoperta ħielsa mir-rabtiet.
Huwa esplora dinja ta’ kulur u l-forma permezz ta’ proċess ta’ għażla biex ikun jista’ jiżvela r-relazzjonijiet moħbija bejn l-affarijiet. Mill-bidu Philip ħaddan il-bżonn ta’ riċerka intuwittiva li kien jeħtieġ li jaħdem ma’ lingwa viżwali astratta, għall-kuntrarju li jfittex il-limitazzjonijiet tad-dehra tal-affarijiet.
Bosta kienu dawk li esprimew is-sogħba tagħhom għal din it-telfa fid-dinja tal-arti. Il-Kap tal-PN Adrian Delia sellem il-memorja ta’ Philip Chircop fejn saħaq li Philip ma kienx biss artist ċelebri tal-astratt iżda edukatur. Bniedem li tul ħajtu għadda t-talent u l-esperjenza tiegħu lil bnedmin oħrajn u nissel f’mijiet ta’ tfal il-passjoni għall-arti.
Id-Dipartiment tal-Arti fl-Università ta’ Malta fejn f’post fuq facebook fakkret il-memorja ta’ Philip Chircop

Il-funeral se jsir għada fis-2pm fil-Knisja Parrokkjali tal-Fgura.
Philip kien miżżewweġ lil Yolanda u kellu żewġt itfal Tatiana u Natasha. Il-kamra tal-aħbarijiet ta’ media.link communications twassal il-kondoljanzi lill-familja kollha tiegħu.