Kien hemm żieda fin‑numru ta’ karti tal‑flus tal‑ewro foloz li ġew irrapportati lill‑Bank Ċentrali ta’ Malta fl‑ewwel nofs tal‑2019.
Dan qalu l-Bank Ċentrali ta’ Malta permezz ta’ stqarrija fejn qal li l‑ammont totali ta’ 844 karta tal‑flus falza li ġew irtirati miċ‑ċirkolazzjoni kien ogħla minn dak irtirat fis‑sitt xhur ta’ qabel (Lulju sa Diċembru 2018), u ogħla wkoll mill‑ammont irrapportat fl‑istess perjodu tal‑2018 (Jannar sa Ġunju).
Meta mqabbel mal‑għadd ta’ karti tal‑ewro ġenwini fiċ‑ċirkolazzjoni f’Malta (medja ta’ ftit aktar minn 12.16‑il miljun fl‑ewwel sitt xhur tal‑2019), il‑proporzjon ta’ karti tal‑flus tal‑ewro foloz għadu insinifikanti. Hu baxx ukoll (0.33%) bħala proporzjon tal‑ammont totali tal‑karti tal‑flus foloz maqbuda fiż‑żona tal‑ewro kollha kemm hi matul l‑istess perjodu, li jammonta għal 251,000 karta tal‑flus.
Konformi mal‑iżviluppi fiż‑żona tal‑ewro, il‑karti tal‑flus tal‑€20 u tal‑€50 jibqgħu l‑iktar karti li jiġu ffalsifikati misjuba lokalment. Flimkien, dawn iż‑żewġ denominazzjonijiet jammontaw għal 89.0% tal‑flus foloz kollha matul l‑ewwel sitt xhur tal‑2019. Matul dan il‑perjodu, il‑proporzjon tal‑karta tal‑€10 esperjenza tnaqqis żgħir.
It‑tabella t’hawn taħt tipprovdi analiżi perċentwali maqsuma skont id‑denominazzjonijiet tal‑ammont totali ta’ flus foloz irtirati miċ‑ċirkolazzjoni fl‑ewwel nofs tal‑2019, imqabbla ma’ dawk irtirati fiż‑żona tal‑ewro kollha kemm hi.
Il‑Bank fakkar lill‑pubbliku li l‑karti tal‑flus il‑ġodda tal‑€100 u l‑€200, b’karatteristiċi msaħħin tas‑sigurtà, ġew imnedija fit‑28 ta’ Mejju 2019.
Il‑manifatturi tat‑tagħmir tal‑karti tal‑flus ser ikomplu jirċievu sapport mill‑Ewrosistema fl‑adattament tal‑magni u t‑tagħmir tagħhom għall‑awtentikazzjoni għall‑karti tal‑flus il‑ġodda. Jekk it‑tagħmir tagħhom għadu ma jistax jaċċetta dawn il‑karti tal‑flus, l‑operaturi jew is‑sidien għandhom jikkuntattjaw immedjatament lill‑fornituri jew il‑manifatturi tagħhom.
//= $special ?>