Lokali Saħħa

31 każ ta’ ħosba rrappurtati fl-ewwel sitt xhur tal-2019

Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena f’pajjiżna ġew irrappurtati 31 każ ta’ ħosba żieda sostanzjali meta ċifri juru li mill-2011 sal-2018 kienu ġew irrappurtati 11-il każ biss.

Dan l-ammont bla ebda preċedent f’pajjiżna ġie żvelat minn rapport mfassal mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa hekk kif l-istudju wera li bejn is-seba’ snin preċedenti bejn l-2012 u l-2017 lanqas biss kienu saru rapporti.

Il-ħosba, hija marda li tittieħed ħafna iżda tista tiġi evitata mill-aktar mod sempliċi grazzi għal tilqima abbażi ta’ żewġ dożi – madanakollu l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa rrappurtat li diversi ġenituri m’humiex qed ilaqmu lill-uliedhom – sitwazzjoni li mhux biss tinsab f’pajjizna iżda madwar id-dinja kollha.

Net News tkellem mas-Soprintendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Grech fejn spjegat li l-maġġoranza tal-każi huma fost il-Maltin adulti hekk kif lura fit-tmeninijiet ma tlaqmux minħabba l-biżà, fuq bażi falza, fuq it-tilqima tal-MMR. Hija spjegat li mill-31 każ irrappurtat huma biss 7 li huma barranin.

Hija appellat sabiex dawk li għal raġuni jew oħra ma tlaqmux jagħmlu proprju dan kif ukoll il-ġenituri għandhom ilaqmu lill-uliedhom sabiex jissalvagwardjaw saħħithom u saħħett ħaddiehor.

Aktar kmieni din is-sena sar magħruf li l-każijiet ta’ ħosba madwar id-dinja qed jiżdiedu b’rata allarmanti b’rata ta’ xejn inqas minn 300% fl-ewwel tlett xhur tal-2019 meta ċ-ċifri ġew mqabbla mal-istess perjodu tas-sena preċedenti.

Din is-sena biss s’issa fl-Ewropa ġew irrappurtati 160,000 każ ta’ ħosba, b’aktar minn mitt mewta kawża ta’ din il-marda.