Lokali

Ħtieġa kbira li Dar Nerik Mizzi ssir mużew

Aktar kmieni din il-ġimgħa, diversi binjiet b’valur storiku fosthom id-dar tal-eks Prim Ministru Nerik Mizzi fil-Belt Valletta ngħataw protezzjoni mill-iżvilupp billi ġew skedati mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Id-dar ta’ Nerik Mizzi, dar li nbniet fis-seklu sbatax tinsab fi Triq San Ġwann u fiha kien jgħix wkoll l-unika iben tiegħu, Monsinjur Fortunato Mizzi. Forunato Mizzi minn dejjem xtaq li din id-dar issir mużew bl-arkivji li ħalla warajh missieru, li għex f’perjodu mqanqal tal-istorja politika Maltija u kien protagonista fil-kwistjoni tal-lingwa fejn safa vittma wkoll tal-internament meta ntbagħat ma’ Maltin oħra fl-Uganda. Nerik Mizzi kien mexxa l-gvern għal tliet xhur fl-1950 fejn miet ftit tax-xhur wara.

Dun Forunato Mizzi waqqaf il-fondazzjoni Fortunato u Enrico Mizzi li qed tieħu ħsieb l-arkivji li hemm fid-dar ta’ Nerik Mizzi. Kienet ix-xewqa tiegħu li din id-dar tinbidel f’mużew li jkun l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’Malta.

Richard Muscat, il-persuna li qed tamministra din il-fondazzjoni, saħaq li l-fatt li din id-dar ta’ Nerik Mizzi ngħatat protezzjoni huwa pass importanti ħafna iżda hemm bżonn li ma nifqux hawn.

Bħalissa Richard qed jaħdem fuq diversi arkivji li kienu jintużaw mill-familja Mizzi fosthom journal li kien jikteb missier Nerik, Fortunato Mizzi kif ukoll sar restawr fuq vjolin li kien jindaqq minn mart Nerik kif ukoll minn missierha. Għad-dispożizzjoni tiegħu għandu wkoll diversi paramenti sagri fosthom pjaneta li kienet tintuża minn Dun Fortunato Mizzi. Dan bil-ħsieb li dawn l-oġġetti b’valur storiku jitpoġġew fid-dar ta’ Nerik Mizzi u jkunu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

Minbarra d-dar ta’ Nerik Mizzi, l-Awtorità tal-Ippjanar skedat dar antika ta’ tlett sulari fi stil Barokk fi triq San Pawl Bormla, żewġ djar antiki fil-Birgu u palazz tas-seklu tmintax fi triq il-kbira l-Qrendi. Ngħatat ukoll protezzjoni dar antika tas-seklu tmintax f’Ħal Balzan fi triq il-Providenza li kienet ta’ kavallier Spanjol Fra Giacomi Rodrigues.Djar oħra skedati huma dawk li jinsabu fi triq D’Argens fil-Gżira u dar antika rurali fin-Naxxar. Apptarti dawn hemm ukoll villa antika tas-seklu dsatax fi Triq Annibale Preca f’Ħal Lija u knisja antika fil-Manikata li nbniet fis-sena 1920.