Internazzjonali

Ikomplu l-protesti f’Hong Kong

Eluf ta’ dimostranti niżlu fit-toroq ta’ Hong Kong hekk kif issa l-protesti daħlu fl-għaxar ġimgħa tagħhom jitolbu riformi demokratiċi u l-waqfa immedjata tal-brutalità tal-Pulizija fuq il-persuni ċivili.

Fl-aħħar protesti – numru kbir ta’ għalliema lkoll lebsin l-iswed ingħaqdu fil-pjazza tal-belt sabiex imxew sa quddiem ir-residenza tal-Kap Eżekuttiv Carrie Lam – b’messaġġi bħal fost oħrajn niproteġu l-ġenerazzjonijiet futuri u kant bħala turija ta’ solidarjetà mal-istudenti li pparteċipaw fid-dimostrazzjonijiet.

Dan kollu wara li uffiċjali tal-Pulizija sparaw il-gass tad-dmugħ u balal tal-lastiku fuq folol miżgħuda biż-żgħażagħ li niżlu isemmgħu leħinhom fit-toroq.

Wara xahrejn ta’ tensjoni fl-eks kolonja Brittanika, il-Gvern Ċiniż ddeskriva s-sitwazzjoni bħala waħda li qed tinbidel f’xeħta terroristika.

Intant, bosta persuni qed isejħu għal boycott tal-film il-ġdid ta’ Disney, Mulan, li mistenni joħroġ fix-xhur li ġejjin. Dan hekk kif l-attriċi prinċipali Liu Yifei, li se tinterpreta l-parti tat-tfajla Mulan, tat is-sostenn tagħha lill-Pulizija ta’ Hong Kong. Dan minkejja li saħansitra n-Nazzjonijiet Uniti akkużawhom li qed jirritaljaw b’mod esaġerat kontra d-dimostranti.