Internazzjonali

Is-sitwazzjoni hija waħda prekarja

Is-sitwazzjoni abbord il-bastiment Open Arms hija waħda prekarja hekk kif l-immigranti jinsabu psikoloġikament mfarrka.

Hekk sostna l-Kaptan tal-bastiment Spanjol li salva mill-għarqa 134 immigrant, hekk kif il-vapur jinsab ftit ‘il bogħod mill-kosta Taljana ta’ Lampedusa, madanakollu l-Awtoritajiet Taljani qed jimpenduh milli jniżżilhom l-art.

Minkejja li t-Taljani evakwaw uħud minn dawk abbord il-bastiment Open Arms minħabba raġunijiet ta’ saħħa, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Intern Matteo Salvini qed jirrifjuta li jħalli l-bastiment jidħol fil-port.

Il-Kaptan insista li l-immigranti abbord ġew salvati wara li ħarbu mill-pajjiż kaotiku tal-Libja u psikoloġikament mhux qiegħdin fl-aħjar stat possibli hekk kif insista li ma’ kull sekonda li tgħaddi, huwa pass ieħor sabiex tinqala’ traġedja abbord.

Salvini insista li mhux se jċedi u akkuża lill-NGOs bħal Open Arms li qed jiżufjettaw bid-dinja. Huwa insista li qed iduru mal-Mediterran jgħabbu n-nies mill-baħar bl-intenzjoni li jdaħluhom l-Italja.

Fi Brussell kelliema għall-Kummissjoni Ewropea saħqu li laqgħu r-rieda ta’ numru ta’ pajjiżi li lesti jilqgħu l-immigranti f’pajjiżhom sabiex sussegwentament jiġu rilokati f’pajjiżi oħra. 

Dan kollu filwaqt li bastiment ieħor, l-Ocean Viking, qed ifittex port sabiex jidħol fih hekk kif għandu mat-350 immigrant abbord.

Ikkummenta