Lokali Qorti

Jitressaq il-Qorti akkużat b’attentat t’omiċidju fuq pastizzar

Tressaq il-Qorti Gordon Calleja, ir-raġel ta’ 44 sena minn Ħal Luqa li jinsab akkużat b’attentat ta’ omiċidju.

Il-każ seħħ nhar it-Tnejn f’pastizzerija f’Ħal Luqa stess hekk kif allegatament Calleja pprova joqtol lil Nicholas Bezzina permess ta’ daqqiet ta’ sikkina. Huwa ġie akkuzat ukoll li seraq is-somma ta’ madwar €400 bi vjolenza.

Il-vittma mar hu stess l-għassa tal-Pulizija hekk kif qasam it-triq ferut isejjaħ għall-għajnuna. Allegatament l-aggressur baqa jistenna barra l-ghassa bis-sikkina f’idejh sakemm ħarġu l-uffiċjali għalieh fejn sussegwentament ħarab minn fuq il-post u nqabad ftit tal-ħin wara fir-residenza tiegħu.

Filwaqt li Calleja ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-ispetturi Pawlu Camilleri u Kurt Zahra qalet li l-konsulet fl-Isptar Monte Carmeli ddeskriva s-saħħa mentali tal-akkużat bħala waħda stabbli tant li jista’ jħabbat wiċċu ma’ akkużi tal-Qorti madanakollu ġie rrakkomandat li jibqa’ jingħata l-kura l-Isptar Monte Karmeli.

Għaldaqstant, l-avukat difensur Noel Bartolo ma talabx għal-libertà proviżorja.