Manchester City u Tottenham Hotspur spiċċaw fi draw eċċitanti, 2-2, fl-Etihad Stadium, bis-Citizens ikollhom ‘gowl’ drammatiku mħassar fl-aħħar ħinijiet fuq deċiżjoni tal-VAR (Video-Assisted Referee).
City, bħala ċ-Champions tal-Premier League, u Tottenham kienu daħlu għal din il-logħba bil-punti massimi u kien it-tim ta’ Pep Guardiola li mar fil-vantaġġ minn Raheem Sterling li għeleb lill-gowlkiper Lloris wara 20 minuta.
Intant, il-vantaġġ dam biss għal tliet minuti, bil-midfielder Arġentin ta’ Spurs, Lamela, javvanza sa tarf il-kaxxa fejn venven xutt baxx li ma ta l-ebda ċans lil Ederson, għall-1-1 momentarju.
Intant, City għalqu l-ewwel taqsima 2-1 minn fuq meta Sergio Aguero skorja gowl ieħor opportunist bi flick perfett – iżda fis-56 minuta, is-sostitut Lucas Moura reġa’ wieġeb għal Spurs b’daqqa ta’ ras għar-rokna.
Manchester City xeħtu kollox fuq l-attakk u fil-ħin miżjud, is-sostitut Gabriel Jesus sab ix-xibka mill-viċin — iżda s-sistema tal-VAR annullat dan il-‘gowl’ minħabba li d-difensur ta’ City, Laporte, kien mess il-ballun b’idu waqt l-azzjoni.
Liverpool għelbu lil Southampton, 2-1, f’St Mary’s Stadium biex aċċertaw il-punti massimi mill-ewwel żewġ impenji tal-istaġun. Intant, b’din ir-rebħa – il-ħdax il-waħda konsekuttiva għar-Reds f’sekwenza li ilha minn tmiem l-istaġun li għadda – Liverpool irrepetaw l-aqwa sensiela ta’ rebħ fis-snin kollha li ilhom jikkompetu fil-Premier League Ingliż.
Liverpool kellhom jistennew sat-43 minuta biex jiksbu l-vantaġġ meta Sadio Mane għeleb lill-gowlkiper Gunn b’xutt minn angolu diffiċli – u wara li s-Saints kienu marru qrib li jiftħu l-iskor, fi tliet okkażjonijiet. Fit-tieni taqsima, Southampton ippruvaw iwettqu reazzjoni iżda kienu Liverpool li reġgħu sklurjaw meta Mane san lil Firmino li kkonkluda mill-viċin għat-2-0.
Intant, fit-83 minuta, il-gowlkiper ta’ Liverpool, Adrian, wettaq żball banali meta l-clearance fil-baxx tiegħu ħabat ma’ saqajn Danny Ings bil-ballun jispiċċa ġewwa – bl-istess Ings għal ftit ma jiksibx id-draw kontra l-eks-tim tiegħu meta ħela ċans mill-aqwa fl-aħħar mumenti drammatiċi. Pierre-Patrick Aubameyang skorja l-gowl deċiżiv fir-rebħa, 2-1, ta’ Arsenal fuq Burnley fl-Emirates Stadium. B’hekk, il-Gunners irnexxielhom jirbħu l-ewwel żewġ impenji ta’ staġun ġdid tal-Premier League għall-ewwel darba mill-2009.
Arsenal, li kellhom jitħabtu ferm għal din ir-rebħa, marru fil-vantaġġ meta Alexandre Lacazette sab ix-xibka, minkejja li ssikkat minn Erik Pieters, wara biss 13-il minuta. Intant, Burnley bdew jidħlu aktar fil-logħba u Ashley Barnes għamilhom 1-1 qabel il-mistrieħ meta l-ballun ta’ McNeil ixxellef ma’ difensur tal-Gunners u spiċċa f’saqajn l-attakkant tal-Clarets.
Madankollu, l-aħħar kelma kellha tkun ta’ Arsenal meta, fl-64 minuta, Ceballos seraq ballun lil Mee u għadda l-ballun lil Aubameyang li żgiċċa lil żewġ difensuri qabel għeleb lil Pope b’xutt fil-baxx, għall-gowl tar-rebħa.
Aston Villa tilfu f’darhom ma’ Bournemouth minkejja li kellhom il-parti kbira tal-pussess u waqt li ħlew diversi okkażjonijiet biex joħorġu imqar b’punt minn din il-logħba.
Bournemouth ingħataw penalty wara biss 45 sekonda meta Heaton waqqa’ lil Callum Wilson fil-kaxxa – b’Joshua King jiskorja mill-ħdax il-metru. Fit-tnax il-minuta, iċ-Cherries irduppjaw meta t-tentattiv ta’ Harry Wilson ħabat ma’ saqajn Engels u spiċċa ġewwa minkejja t-tenattiv ta’ Heaton biex isalva.
Douglas Luiz, li kien qed jiddebutta għal Villa, naqqas il-marġni tard fil-logħba b’xutt b’saħħtu iżda l-Villains imbagħad ħlew żewġ okkażjonijiet tajbin biex isalvaw ir-riżultat minn John McGinn u Trezeguet.
Brighton u West Ham United spiċċaw fi draw, 1-1, fl-Amex Stadium, bir-riżultat għandu jitqies bħala wieħed ġust f’logħba kumbattuta għall-aħħar.
Kienu l-Hammers li marru minn fuq b’gowl ta’ Javier Hernandez fit-tieni taqsima, iżda l-midfielder Belġjan, Leandro Trossard (li fl-ewwel taqsima kellu gowl imħassar bil-VAR) kiseb il-parità erba’ minuti wara meta għeleb lill-gowlkiper, Fabianski, minn tarf il-kaxxa.
Gowl fl-ewwel taqsima skorjat minn Bernard kien biżżejjed biex jagħti l-ewwel rebħa tal-istaġun lil Everton għall-ispejjeż ta’ Watford – b’din tkun il-ħames telfa konsekuttiva għall-Hornets fil-Premier League, meta wieħed iqis li huma kienu tilfu l-aħħar tliet konfronti tal-istaġun li għadda.
Watford anki qed jistennew biex jiskurjaw l-ewwel gowl tagħhom fil-kampjonat ġdid u l-aktar li marru qrib f’Goodison Park kien meta d-daqqa ta’ ras ta’ Craig Dawson stampat mal-mimduda – minuti biss wara l-gowl ta’ Bernard.
Norwich pattew għat-telfa tal-ġimgħa l-oħra għand Liverpool, b’hat-trick impressjonanti ta’ Teemu Pukki jaċċerta l-punti għall-Canaries fil-konfront ma’ Newcastle United f’Carrow Road. L-attakkant Finlandiż fetaħ l-iskor wara nofs-siegħa b’volley perfett għar-rokna u fit-tieni taqsima kompla fejn ħalla, bit-tieni gowl personali (fit-63 minuta) jasal wara azzjoni veloċi. It-tielet gowl wasal kwarta mit-tmiem meta, fuq xogħol tajjeb ta’ Todd Cantwell, Pukki issiġġilla l-hat-trick wara li sab ruħu waħdu quddiem il-gowlkiper Dubravka.
Il-gowl tal-bandiera għal Newcastle, sekondi qabel it-tmiem, wasal minn Jonjo Shelvey li sab ix-xibka b’tentattiv minn barra l-kaxxa fuq is-suġġeriment ta’ Longstaff.
//= $special ?>