Ilbieraħ, petizzjoni ffirmata minn 916-il persuna ġiet ppreżentat lill-Ispeaker tal-Parlament sabiex tkun salvata Manoel Island. Dan l-ammont jiżdied ma’ 7,571 firma miġbura f’petizzjoni onlajn.
F’Diċembru li għadda l-grupp ‘Inħobbu l-Gżira’ nieda kampanja biex jiġi mwaqqaf l-iżvilupp ta’ Manoel Island fejn ipproponew lill-Parlament li Manoel Island tinbidel f’park bis-siġar fejn il-bini storiku jkun imdawwar b’ambjent naturali mhux mittiefes.
Huma sostnew li jekk l-iżvilupp mill-MIDI jimxi ‘l quddiem, dan se jkollu impatt negattiv kbir fuq il-lokalità tal-Gżira u żoni ġirien kemm matul kif ukoll wara l-kostruzzjoni.
Fi Frar li għadda sar appell lill-Prim Ministru segwit minn petizzjoni onlajn ippreżentat lill-Kumitat Parlamentari tal-Petizzjonijiet li ġibed 7,571 firma.
L-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-Masterplan ta’ Manoel Island Master f’Marzu li għadda, madankollu Flimkien għal Ambjent Aħjar appellat għal dan l-iżvilupp. Fit-18 ta’ Lulju, il-Kummissjoni tal-Ippjanar approvat ix-xogħlijiet ta’ tħaffir. Mhuwiex ċar għaliex il-Kummissjoni tal-Ippjanar approvat l-iskavar ta’ Manoel Island meta il-Masterplan għadu qed jiġi appellat.