Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lil Philip Chircop

“Raġel sew, raġel saqajh mal-art, raġel tal-familja u raġel li kien jaf għalxiex qiegħed jgħix”

Dan kien il-messaġġ li twassal fl-aħħar tislima li ngħatat lil wieħed mill-aktar artisti famużi li qatt ra pajjiżna – Philip Chircop.

Fl-omelija ntqal ukoll illi Chircop ma kienx biss artist iżda kien ukoll edukatur, li permezz tal-arti tiegħu ħalla impatt kbir fuq dawk ta’ madwaru hekk kif ta kontribut imprezzabbli lid-dinja tal-arti.

Chircop ġie deskritt bħala raġel kwiet iżda li kellu mħabba kbira lil dawk ta’ madwaru. Huwa kien meqjus bħala wieħed mill-aħjar artisti tal-istil astratt, li ħalla l-impatt tiegħu kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna.

Huwa esplora dinja ta’ kulur u l-forma permezz ta’ proċess ta’ għażla biex ikun jista’ jiżvela r-relazzjonijiet moħbija bejn l-affarijiet. Mill-bidu Philip ħaddan il-bżonn ta’ riċerka intuwittiva li kien jeħtieġ li jaħdem ma’ lingwa viżwali astratta, għall-kuntrarju li jfittex il-limitazzjonijiet tad-dehra tal-affarijiet. Preżenti għall-funeral kien hemm id-deputat tal-PN, Carm Mifsud Bonnici kif ukoll Mark Lombardo li huwa kunsillier f’isem il-PN għall-lokalità tal-Fgura.