Kultura Lokali

Titħabbar il-mewt tal-iskultur Ġanni Bonnici

Ganni Bonnici ħadem il-monument maestuz tal-Indipendeza fil-Furjana

Illum tħabbret il-mewt tal-iskultur Ġanni Bonnici fl-età ta’ 86 sena. Huwa twieled fl-4 ta` Settembru tal-1932. 

Ta età żgħira beda jattendi l-iskola tal-Arti fil-Belt Valletta. Ġanni Bonnici fl-1954 rebaħ il-Borża ta’ Studji tal-Iskola tal-Arti biex ikompli jistudja f’Ruma,

F’Ottubru tal-1954 Bonnici beda kors ta’ erba’ snin fl-Accademia di Belle Arti ta’ Ruma (1954-1958) li wasslitu biex ha Diploma fl-Iskultura meta rebah il-borza ta’ studju ta’ l-Iskola ta’ l-Arti wara ezami li kien sar xi zmien qabel.

It-tagħlim taċ-ċeramika għall-ewwel darba fl-iskejjel statali f’Malta bdieh Bonnici meta ġie lura mill-kors f’Akkademja ta’ Ruma fl-1958. Sena wara inħatar Master fl-arti u ċ-ċeramika f’ St. Joseph Seconday Technical School, Raħal Ġdid.

Ganni Bonnici ilu għal bosta snin apprezzat ħafna bħala ċeramista u skultur li b’ħila kbira juża materjal differenti. Xogħlijiet tiegħu fit-terrakotta, ċeramika, ġebel, bronz, rħam u konkrit jinsabu fid-djar privati, f’postijiet pubbliċi u fi knejjes.

Ta’ min isemmi l-kurċifissi espressivi li Bonnici għamel għall-knejjes parrokjali ta’ Santa Lucija, ta’ San Bastjan Ħal Qormi, għall-kappella tas-sorijiet ta’ Santa Katarina, Ħ’Attard u ieħor għall-Kappella tal-Pwales u għal Capua Palace Hospital.

Il-ħila artistika ta’ Ganni Bonnici tidher sewwa ukoll fil-monumenti pubblici. Fost dawn jispikka l-monument maestuz tal-Indipendeza fil-Furjana f’kompożizzjoni oriġinali li tesprimi moviment u enerġija.

Bonnici sa mill-bidu tal-karriera artistika tieghu ħadem busti tal-protagonisti Maltin għal diversi istituzzjonijiet u ta’ membri ta’ familji li jinkludu riljev tal-bronz ta’ George Borg Olivier.

L-iskultura ta’ Bonnici f’kull materjal li kapaċi jħaddan fl-arti tiegħu, fuq kollox tmur lil hinn mill-materjal li juża u tesprimi spiritwalità personali li, fl-arti reliġjuża taf tqanqal devozzjoni. L-istil tiegħu malajr jingħaraf u jiddistingwieh bħala skultur li ilu juri maturità.

Bonnici ngħata Ġieħ il-Mosta fl-1999 u fl-2002 irċieva l-unur prestiġjuż M.O.M (Membru tal-Ordni Nazzjonali Għall-Mertu), mill-President ta’ dak iż-żmien, Guido de Marco, fil-Palazz tal-President.

Ganni kien miżżewweġ lil Pauline u kelli żewġt itfal. Il-kamra tal-aħbarijiet ta’ Media.link Communications toffri l-kondoljanzi tagħha lill-familja kollha tiegħu. Il-funeral tiegħu se jsir nhar it-Tlieta fis-3.30pm fil-Knisja ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi.