Futbol Sport

Tottenham b’mira li jwaqqfu lil Man City

(Ritratt: Premier League)

Tottenham Hotspur se jkunu qed ifittxu li jwaqqfu lil Manchester City minn issa hekk kif imorru fl-Etihad Stadium. Huma fetħu l-kampjonat tagħhom b’rebħa ta’ 3-1 kontra Aston Villa li waslet lejn it-tmiem iżda qed iħarsu li jevitaw is-seba’ telfa konsekuttiva barra minn darhom fil-Premier League għall-ewwel darba mis-sena 2000. Manchester City fetħu b’rebħa faċli ta’ 5-0 kontra West Ham fl-Olympic Stadium u għandhom rekord pożittiv fl-ewwel logħba tal-kampjonat f’darhom fl-ogħla diviżjoni hekk kif ilhom 24 logħba mhux megħluba.

Iċ-champions Ingliżi rebħu l-aħħar erba’ logħbiet kontra Tottenham u jekk jirbħu llum ikunu kisbu ħames rebħiet kontrihom għall-ewwel darba. Għalkemm dan id-dwell wasal kmieni fil-kampjonat, rebħa għal Tottenham issaħħaħ il-kredenzjali tagħhom li jistgħu jisfidaw għar-rebħ tal-Premier League. Il-manager ta’ Tottenham Mauricio Pochettino se jkun mingħajr Ryan Sessegnon u Dele Alli li huma mweġġgħin filwaqt li Heung-Min Son u Juan Foyth jinsabu sospiżi. Fuq in-naħa l-oħra, Pep Guardiola se jkollu biss lil Leroy Sane nieqes, bil-midfielder Fernandinho hu għad-dispożizzjoni wara li tilef l-ewwel logħba.

Fatt interessanti se jkun lil min jagħżel Guardiola bħala l-midfielder quddiem id-difiża regolari hekk kif fl-istess pożizzjoni Fernandinho, Manchester City akkwistaw lil Rodri. Fuq in-naħa l-oħra f’pożizzjoni simili, Tottenham għandhom lil Tanguy Ndombele li fl-ewwel ħarġa tiegħu ħalla impressjoni tajba.

Logħba importanti se tkun għal Frank Lampard, f’dik li se tkun l-ewwel logħba għalih fi Stamford Bridge bħala manager ta’ Chelsea. It-tim minn Londra sofra telfa ta’ 4-0 f’Old Trafford il-ġimgħa l-oħra u fost il-ġimgħa kien megħlub minn Liverpool bl-għoti tal-penalties fil-UEFA Super Cup.

Il-pressjoni għal riżultat pożittiv tinsab hemm iżda quddiemhom se jsibu lil Leicester, tim li potenzjalment jista’ jisfida għal post fl-Europa League. Lampard mistenni jkollu lura lil Antonio Rudiger u Willian filwaqt li Callum Hudson-Odoi u Reece James għadhom mhux lesti biex jilagħbu. Leicester ġejjin minn draw ta’ mingħajr gowls kontra Wolves u għalhekk qegħdin ifittxu rebħa importanti. Huma jiddependu ħafna fuq l-attakkant Jamie Vardy, bl-Ingliż hu l-aktar plejer li fl-aħħar ħames snin skorja kontra s-sitta l-kbar meta Leicester lagħbu barra minn darhom, b’total ta’ 12-il gowl.

Liverpool imorru fis-St. Mary’s Stadium kontra Southampton, friski mis-suċċess fil-UEFA Super Cup. Iżda l-akbar problema għalihom reġgħet hi l-pożizzjoni ta’ gowlkiper. Alisson Becker għadu qed jirkupra minn injury fl-għaksa u l-gowlkiper ta’ riserva Adrian spikka fost il-ġimgħa meta salva l-penalty deċiżiv.

Fiċ-ċelebrazzjoni ma’ sħabu, partitarju qabeż il-grada biex jiċċelebra magħhom u kif kien segwit mill-persuna tas-sigurtà, żelaq u baqa’ dieħel dritt f’Adrian. L-għada qam bl-għaksa minfuħa u jinsab dubjuż għall-partita tal-lum. Jekk Adrian ma jkunx disponibbli, mistenni jilgħab Andy Lonergan li 63 ġurnata bogħod milli jagħlaq 36 sena jista’ jsir l-ixjaħ plejer li jagħmel id-debutt fil-Premier League.

L-ewforija ta’ Manchester United wara r-rebħa kbira kontra Chelsea għandha eżami importanti hekk kif it-Tnejn jilagħbu f’ Molineux Stadium kontra Wolves. Fl-istaġun li għadda, Wolves tilfu biss erba’ logħbiet minn 14-il logħba fil-kompetizzjonijiet kollha kontra s-sitta l-kbar filwaqt li rebħu sitt logħbiet. Fosthom huma rebħu darbtejn kontra Manchester United f’darhom u kisbu draw f’Old Trafford.

Il-logħba mistennija tkun aktar interessanti hekk kif mil-logħba kontra Chelsea, Manchester United adottaw sistema aktar difensiva u joperaw bil-kontrattakk, sistema li hi simili bħal dik ta’ Wolves. Tim minnhom li probabbilment ikun Manchester United, se jkollu l-inizjattiva u għalhekk se tkun interessanti t-tattika taż-żewġ timijiet biex joħorġu l-aħjar tagħhom. Il-manager tar-Red Devils Ole Gunnar Solskjaer se jkollu l-istess plejers għad-dispożizzjoni minn ġimgħa ilu u anki mhux mistenni jagħmel tibdil fil-formazzjoni inizjali.

Premier League

Illum: Arsenal v Burnley 1.30pm, Aston Villa v Bournemouth 4.00pm, Brighton v West Ham 4.00pm, Everton v Watford 4.00pm, Norwich v Newcastle 4.00pm, Southampton v Liverpool 4.00pm, Man City v Tottenham 6.30pm

Għada: Sheffield United v Crystal Palace 3.00pm, Chelsea v Leicester 5.30pm

It-Tnejn: Wolves v Manchester United 9.00pm

Klassifika wara l-ewwel ġurnata: Manchester City 3 punti, Manchester United 3 punti, Liverpool 3 punti, Brighton 3 punti, Burnley 3 punti, Tottenham 3 punti, Arsenal 3 punti, Bournemouth punt, Sheffield United punt, Crystal Palace punt, Everton punt, Leicester punt, Wolves punt, Newcastle 0 punti, Aston Villa 0 punti, Norwich 0 punti, Southampton 0 punti, Watford 0 punti, Chelsea 0 punti, West Ham 0 punti