Ambjent Lokali

10 Raġunijiet: Għalfejn il-proġett ta’ St. Lucija hu inkwetanti

Il-proġett propost mill-Gvern ta’ Joseph Muscat f’Santa Luċija matul il-ġimgħat li għaddew ħoloq kontroversja sħiħa minħabba tħassib serju kemm fost ir-residenti u fost dawk li għandhom għal qalbhom l-ambjent. Il-gazzetta il-mument permezz tal-ġurnalist Joe Mikallef ġabret għaxar raġunijiet ewlenin għal dan;

  1. Il-problema tat-traffiku ħarbet minn kull kontroll għaliex il-Gvern qiegħed iżid bla ippjanar u bla kontroll il-popolazzjoni fil-gżejjer Maltin.
  2. Dan il-proġett massiċċ jagħti daqqa kbira lil-lokalità ta’ Santa Luċija u jtellifha drastikament f’dak li għandu x’jaqsam ma’ spazji u green belt li kienet tgawdi sa issa.
  3. Il-proġett maħsub mill-Gvern inaqqas b’mod qawwi l-jogging track filwaqt li z-zona rikreattiva wkoll se tispiċċa vittma.
  4. Madwar 800 siġra se jkollhom jitqaċċtu biex jagħmlu wisa’ għat-twessigħ tat-triq eżitenti u dan b’dannu irreparabbli għall-ambjent.
  5. Dan mhux proġett li bih se jiżdiedu l-lanes biex minnhom jgħaddu aktar karozzi, imma biss għal twessigħ fl-istess karreġġjati preżenti.
  6. Proġett ieħor li l-Gvern se jagħmel mingħajr ippjanar serju… mingħajr ma jitkellem dwaru mal-partijiet kollha konċernati. Hi ħasra li saħansitra l-Awtorità tal-Ambjent (ERA) tispiċċa tapprova tali proġett ta’ dannu għall-ambjent.
  7. Hu tat-tħassib kif l-Awtorità tal-Ambjent ma għamlet assolutament xejn biex ipproteġiet tal-inqas lis-siġar maturi u b’għexieren ta’ snin fuqhom u lil dawk li huma meqjusa bħala protetti. Il-Gvern injora il-fatt li għadd ta’ siġar għandhom għexieren ta’ snin.
  8. Joħroġ ċar li minkejja l-karba ta’ ħafna eluf ta’ nies – kemm residenti f’Santa Luċija kif ukoll Maltin u Għawdxin, il-Gvern jibqa’ għaddej u ma jagħti kas ta’ ħadd u xejn.
  9. Kollox jindika li fl-approvazzjoni ta’ dan il-proġett, l-Awtorità tal-Ippjanar qed tikser l-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp. Dan minħabba l-fatt li tali applikazzjoni suppost li kienet proċessata quddiem il-Bord tal-Ippjanar u mhux mill-Kummissjoni tal-Ippjanar.
  10. Għaqdiet ambjentali li għamlu studji xjentifiċi dwar l-impatt ambjentali ta’ dan il-proġett ġew imwarrba biex hekk il-Gvern jassigura li tgħaddi tiegħu… ċioè li jkun irrombla għal darba oħra fuq il-Maltin u l-Għawdxin b’politika immedjata u mhux b’politika li taħseb għat-tul.