Internazzjonali

Aġġornata: Spanja toffri port għall-iżbark tal-immigranti fuq l-Open Arms

Salvini jgħid li dawk li tniżżlu ma kienux tfal, iżda kienu kollha żgħażagħ, b'uħud b'età t'aktar minn 18-il sena

L-awtoritajiet fi Spanja  offrew biex l-għexieren tal-immigranti fuq il-bastiment Open Arms jiżbarkaw fil-port ta’ Algeciras wara li dawn ilhom isofru jiem sħaħ ta’ qtigħ il-qalb. L-offerta qed titqies bħala żblokk importanti għal kriżi umanitarja, wara li l-bastiment — li hu l-proprjetà ta’ entità karitatevoli Spanjola — ilu aktar minn ġimagħtejn jistenna l-permess biex tidħol f’port viċin tiegħu.

‘Il fuq minn 100 immigrant, fil-maġġoranza Afrikani, kienu nġabru mill-bastiment ‘il hinn mill-kosta tal-Libja u ilhom l-aħħar jiem jistennew biex jiżbarkaw waqt li weqfin ftit ‘il bogħod mill-gżira Taljana ta’ Lampedusa.

Il-Ministru tal-Intern Taljan, Matteo Salvini, baqa’ jinsisti bid-direttivi l-immigranti ma jitħallewx jinżlu f’Lampedusa. Intant, hu, nhar is-Sibt, qabel dwar konċessjoni parzjali fejn ippermetta madwar 27 immigrant biex  iħallu l-bastiment.

L-Aġent Prim Ministru Spanjol, Pedro Sanchez, intant, qal li Spanja dejjem irreaġiet għall-emerġenzi umanitarji waqt li ħeġġeġ għal soluzzjoni sostenibbli fuq livell Ewropew rigward l-isfida tal-immigrazzjoni.

Spanja, flimkien ma’ Franza, ir-Rumanija, il-Portugall, il-Lussemburgu u l-Ġermanja kienu qalu, jiem ilu, li għandhom jgħinu għar-rilokazzjoni tal-immigranti fuq il-bastiment Open Arms. Il-Gvern Spanjol issa qal li d-distribuzzjoni ppjanat tal-immigranti se ssir mal-konklużjoni tal-iżbark fil-port ta’ Algeciras.

Min-naħa tiegħu, Matteo Salvini kiteb messaġġ trijonfali fuq Facebook fejn qal li d-deċiżjoni ta’ Spanja dwar l-Open Arms ikkonfermat li kellu raġun li jżomm iebes għall-iżbark tal-immigranti f’artu. Salvini anki attakka lill-operaturi tal-bastiment inkwistjoni fost akkużi li huma gidbu rigward il-vera kundizzjoni tal-immigranti.

Salvini kompla li l-awtoritajiet Taljani li wettqu spezzjoni medika fuq il-bastiment ma sabu l-ebda emerġenza sanitarja abbord bħalma insistiet l-entità l-Open Arms, li hi s-sid tal-bastiment u li taġixxi b’mod indipendenti minn kwalunkwe Gvern.

Min-naħa tiegħu, Oscar Camps, id-direttur u fundatur tal-karità, qal li kienu ilhom iwissu dwar il-limitu tad-disprament li jifilħu għalih l-immigranti fuq il-bastiment filwaqt li staqsa jekk Salvini għandux bżonn li jmutu n-nies bħala stimolu għall-kampanja politika li qed imexxi.