Lokali

Aktar minn 8,400 firma sabiex isalvaw Manoel Island

Fl-aħħar seba’ xhur il-grupp Inħobbu l-Gżira rnexxielu jiġbor xejn inqas minn 8, 487 firma kontra l-iżvilupp f’Manoel Island u favur li din il-gżira bejn Marsamxett u Tas-Sliema – fil qalba ta’ waħda mill-aktar zoni ffollati f’Malta – tiġi żviluppata f’Park Nazzjonali.

Sakemm dawn il-firem kienu qed jinġabru, il-proġett tal-Masterplan ġie approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar lura f’Marzu madanakollu Michael Briguglio saħaq li kollox qed jindika li l-istudji jew ma sarux sew jew ma saru xejn affattu hekk kif għadu kemmxejn ambigwu x’ser ikun l-effett fuq iz-zona, iċ-ċittadini kif ukoll il-fdalijiet Rumani li jinsabu fil-baħar u li għad qed issir riċerka dwarhom.

Dan filwaqt li huwa mbassar li minimament ix-xogħol mistenni jieħu mal-erbgħin ġimgħa u mistenni jiġġenera mat-tmenin vjaġġ bit-trakkijiet kuljum – dan ifisser li ser isiru madwar 15,000 vjaġġ bit-trakkijiet imsemmija qalb waħda mill-aktar żoni traffikużi fi gżiritna.

Dan mhux biss saħqu Michael Briguglio iżda ammettietu wkoll l-Awtorità tal-Ippjanar u l-MIDI nfishom hekk kif ammettew li waqt ix-xogħol ta’ kostruzzjoni l-kwalità tal-arja tista’ timtela’ bi trabijiet – l-istess arja li nieħdu f’imnifsejna.

Bl-aktar mod ċar jidher li l-ebda studju ma seħħ dwar kif dan il-proġett ser jolqot lir-residenti ta’ dan il-lokal u lil tal-madwar. Il-Grupp Inħobbu lill-Gżira spjegaw li huma tal-fehma li minn dan il-proġett m’hu ser joħroġ xejn utli għal kwalità tal-ħajja tar-residenti.