L-eks plejer internazzjonali Ingliż Ashley Cole ħabbar li rtira mill-futbol professjonali waqt il-programm tal-Ħadd waranofsinhar fuq Sky Sports. L-aħjar żmien fil-karriera ta’ Ashley Cole kien żgur mat-timijiet minn Londra Arsenal u Chelsea filwaqt li mat-tim nazzjonali Ingliż lagħab 107 logħbiet.
Cole li għandu 38 sena, rebaħ post mal-ewwel tim ta’ Arsenal fl-istaġun 2000/01 u magħhom rebaħ darbtejn il-Premier League fosthom fl-istaġun 2003/04 meta l-Gunners rebħu l-kampjonat bla telfa. Fl-2006, Cole ngħaqad mar-rivali Chelsea f’deċiżjoni pjuttost kontroversjali.
Ma’ Chelsea hu rebaħ il-Premier League fl-istaġun 2009/10 u l-UEFA Champions League fl-istaġun 2011/12 fost tmien unuri maġġuri. Cole hu l-aktar plejer li rebaħ l-FA Cup b’total ta’ seba’ unuri, rekord li għandu wkoll il-manager Arsene Wenger.
“Wara ħafna ħsieb u kunsiderazzjonijiet, ovvjament wasal iż-żmien li nirtira. Nista’ nħares ‘l quddiem għall-kapitlu li jmiss li nittama li jkun fil-kowċing. Bħalissa qed nagħmel kors,” qal Cole fuq Sky Sports.
Wara li ħalla lil Chelsea, Cole ngħaqad ma’ Roma fis-Serie A f’esperjenza negattiva li ma tantx damet, qabel kompla l-karriera fl-Istati Uniti ma’ Los Angeles Galaxy. L-aħħar klabb tiegħu kien Derby County taħt it-tmexxija ta’ sieħbu Frank Lampard fejn hemm kien parti mit-tim li wasal sal-finali tal-play-off taċ-Championship.
//= $special ?>