Festi Knisja Kultura Lokali

€17,000 offruti għall-ħidma pastorali tal-Parroċċa Mġarrija

Il-grupp ta' Wistin Vella se jerfa' l-Vara ta' Santa Marija

Apparti l-Festa ta’ Sant’ Elena f’Birkirkara, din it-tmiem il-ġimgħa hija ddominata minn festi Marjani, bis-Slimiżi jiċċelebraw il-Festa ta’ Stella Maris, il-Pawlisti l-Festa tal-Madonna ta’ Lourdes u l-Munxarin tax-Xlendi bil-Festa tal-Madonna tal-Karmnu.

Il-festi ta’ Santa Marija ukoll jissuktaw f’din it-tmiem il-ġimgħa f’Ħad-Dingli u l-Imġarr, b’din tal-aħħar għandha tradizzjoni unika fil-festi Maltin li tmur lura għall-Awwissu tal-1923 u sseħħ mat-tokki ta’ nofsinhar ta’ Jum il-Festa quddiem folla enormi.

Wara t-talba tal-Angelus, il-Kappillan tal-Parroċċa tal-Imġarr, Dun George Schembri, ta bidu għall-irkant tradizzjonali biswit il-Knisja bejn 2 gajijiet biex tintrefa’ l-Vara Titulari ta’ Santa Marija filgħaxija fil-purċissjoni.

Bi €3000 aktar mill-2018, is-somma milħuqa din is-sena kienet ta’ €17,000, offruta minn Wistin Vella u 11-il reffiegħ ieħor.

Il-Kappillan tal-Parroċċa, f’indirizz qabel l-irkant, qal li minkejja din hija l-unika tradizzjoni tax-xorta taghha f’pajjiżna, din issir mill-Imġarrin b’imħabba lejn l-opri tal-ħniena li twettaq il-Parroċċa fost dawk l-aktar vulnerabbli. Apparti dan, is-somma milħuqa f’dan l-irkant imur ukoll għall-aspetti oħra tal-ħidma pastorali bħall-manutenzjoni tar-Rotunda tal-Imġarr kif ukoll biex jittaffew l-ispejjeż tal-festa.

Il-poplu tal-Imġarr kien naqas milli jifdi l-ispejjeż biex inġabet il-Vara Titulari ta’ Santa Marija minn Marsilja fl-1922 u kien għalhekk li sar irkant simili għal tal-lum mir-reffiegħa ta’ dak biex jinfdew l-ispejjeż li kien baqa’.