Lokali

Id-dipendenza eċċessiva fuq il-karozzi sors ta’ dħul għall-Gvern

Issa huwa ċar ħafna għal kulħadd… l-istrateġija ta’ twessigħ tat-toroq ma ssolvix il-kwistjoni tal-konġestjoni tal-karozzi iżda sempliċement tibdilha għal post ieħor fit-triq – din hi l-opinjoni ta’ Joseph Gatt, s-segretarju tal-Bicycle Advocacy Group (BAG).. opinjoni li hu ddettalja fuq is-sit TimesofMalta.com fl-aħħar jiem.

Apparti spiża nazzjonali qawwija, twessigħ ta’ toroq iġib miegħu effetti negattivi fuq is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja.

Allura għaliex il-ministru tat-trasport qed jinsisti biex ikompli f’din id-direzzjoni, ippruvat li mhux sostenibbli f’ħafna bliet Ewropej oħra, u jevita għażliet ta’ mobilità sostenibbli li jistgħu jagħtu riżultati aħjar fuq medda qasira u twila ta’ żmien? .. staqsa Joseph Gatt.. mistoqsija ta’ ħafna.. iżda l-ebda tweġiba konkreta m’għand Ian Borg li bħal ma qed jagħmel id-dipartiment tiegħu, qed jibqa’ jagħddi bħal gaffa minn fuq kulħadd.

Is-segretarju tal-BAG qal li t-tweġiba tista’ tkun minħabba tassazzjoni indiretta hekk kif jidher li l-Gvern qed juża d-dipendenza eċċessiva tagħna fuq il-karozzi bħala sors ta’ dħul.

Galea, mill-perpettiva ta’ ċiklist ħares lejn kemm huma kostretti li jixtru karozza u jibdew isuqu iż-żgħażagħ Maltin għaliex modi alternattivi ta’ trasport bħaċ-ċikliżmu huma kkunsidrati soċjalment riskjużi minħabba l-għadd ta’ sewwieqa irresponsabbli u n-nuqqas ta’ infurzar fit-toroq tagħna… mhux biss… anke minħabba l-infrastruttura tal-bike lanes tal-biki.

Ix-xiri ta’ karozza tfisser miżati ta’ reġistrazzjoni, liċenzja, VAT, dazju tas-sisa u fjuwil… Skond il-pubblikazzjoni tal-Unjoni Ewropea… ix-xufiera tal-karozzi Maltin iħallsu 76 ċenteżmu fuq kull litru – 55.6 fil-mija tal-prezz tal-Petrol bl-imnut bħala sisa u VAT. Għad-Diesel, 65 ċenteżmu, 53 fil-mija… flus li dejjem deħlin għand il-Gvern.. ammont li qed ikompli jikber aktar ma jogħla l-prezz tal-fjuwil… Dan ifisser li l-karozzi, u speċjalment il-karozzi mwaħħlin fit-traffiku, huma sors kbir ta ‘dħul għall-Gvern ta’ Joseph Muscat… dan filwaqt li jaf nispiċċaw inħallsu flejjes kbar f’multi tal-UE talli ma laħqux il-miri tal-emissjonijiet tas-CO2.

Il-gvern qed juża d-dipendenza eċċessiva tagħna fuq il-karozzi bħala sors ta’ dħul

Wieħed jista’ jipprevedi li hekk kif iż-żejt isir aktar skars, se jsir aktar għali.

L-idea tal-Gvern ta’ karozzi elettriċi, anke jekk s’issa kienet wegħda oħra bi kliem fl-arja, ma ssolvix il-problema serja tal-ispazju tal-gżira ċkejkna tagħna u n-nuqqas ta’ parkeġġ u konġestjoni.Immaġina l-karozzi tal-fjuwil jinbidlu f’ karozzi elettriċi. Immaġina munzell ta’ 330,000 batterija fuq perjodu ta’ ħames snin.. xi ħaġa li s’issa m’hemmx mod kif tirreċikla… il-pjan tal-Gvern Laburista, għal darb’oħra mhux wieħed fit-tul.