Il-Karkariżi ċċelebraw il-Festa Titulari tagħhom fil-jum liturġiku ta’ Sant’ Elena, it-18 t’Awwissu.
Mat-tokki tat-tmienja ta’ filgħodu, Misraħ Sant’ Elena kienet maħnuqa bin-nies jistennew b’ħerqa ħruġ mill-Kolleġġjata ta’ Birkirkara ta’ waħda mill-uniċi Purċissjonijiet ta’ Festa Titulari li ssir filgħodu fil-gżejjer Maltin.
Il-qofol tal-purċissjoni, li din is-sena kien imissha takkumpanjaha l-Banda Duke of Connaught’s Own, intlaħaq għall-ħabta tal-10.15 ta’ filgħodu meta l-Vara ta’ Sant’ Elena feġġet lura fil-pjazza għad-dħul lura fil-Knisja bil-ġirja tradizzjonali.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, attenda għall-festa ta’ raħal twelidu u kien akkumpanjat minn diversi deputati u kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista.
Preżenti ukoll il-President Emeritus u eks Prim Ministru, Eddie Fenech Adami.
Il-festa segwiet bil-Quddiesa Prepositali tal-festa u wara bil-Marċ ta’ Nofsinhar mill-Għaqda Mużikali ta’ Sant’ Elena, li din is-sena qed tiċċelebra ċ-Ċentinarju mit-twaqqif tagħha. Il-festa tintemm il-Ħadd filgħaxija bir-Ripożizzjoni tar-Relikwa mill-Arċisqof Charles Scicluna.
Il-Vara Artistika ta’ Sant’ Elena hija ċertament waħda mill-isbaħ Vari Titulari fost dawk li nsibu fil-knejjes Maltin u għandha rabta qawwija mal-istorja u l-identità tal-Karkariżi.
//= $special ?>