Sal-2050 ser ikollna aktar plastik milli ħut fil-baħar. Din hija konferma maħruġa mir-rapport tal-World Wildlife Fund li sfortunatament juri bl-aktar mod ċar il-problemi li mistennija nħabbtu wiċċhom magħhom fis-snin li ġejjin. Dan ma jfisser bl-ebda mod li l-problema mhux reali diġà f’dawn iż-żminijiet li qed ngħixu fihom.
Esperti ddeskrivew il-ġenerazzjoni preżenti bħala dik tal-plastik u r-rimi hekk kif huwa stmat li kull sena aktar minn tnax-il miljun tunnellata ta’ plastik jispiċċa fil-baħar – b’mod mill-aktar egoist u ta’ detriment għall-biodiversità li ssawwarna.
Studju li twettaq fl-Awstralja wera li biċċa miżera tal-plastic, żgħira kemm hi żgħira tista’ toqtol fekruna b’ċans ta’ wieħed minn ħamsa – hekk kif timblokkalhom il-kanal tan-nifs b’mod speċjali mill-fkieren żgħar.
Fl-aħħar jiem sar magħruf li fl-Arktiku nstabu partiċelli mikroskopiċi ta’ plastic li niżlu mis-sema mal-borra. L-ixjentisti spjegaw li din is-sejba xxokkjathom hekk kif isntabu xejn inqas minn 10,000 partiċella għal kull litru. Dan filwaqt li nstabu wkoll partiċelli max-xita ġewwa Denver, fl-Istati Uniti.
Dan ifisser li possibilment il-bniedem issa qiegħed jiġbed man-nifs dawn il-partiċelli mikroskopiċi tal-plastic, bl-effetti fuq is-saħħa s’issa mhux ċari iżda żgur li m’humiex ta’ ġid.
Esperti saħqu li l-bniedem beda t-triq tan-niżla fejn għandu x’jaqsam plastic, għandna nxammru l-kmiem sabiex uliedna jsibu dinja aħjar milli hija mbassra.
Għaldaqstant huma spjegaw li għandu jitnaqqas l-użu tas-single use plastic, nirreċiklaw kif suppost, nipparteċipaw fi clean-ups volontarji u aktar minn hekk il-persuni għandhom jibdew imexxu l-kelma għal azzjoni immedjata qabel ikun tard wisq.
//= $special ?>