Internazzjonali

Jum ieħor ta’ protesti f’Hong Kong — bi sfida għaċ-Ċina

‘Il fuq minn 100,000 persuna f’Hong Kong organizzaw jum ieħor ta’ protesti favur id-demokrazija, fost it-twissijiet li qegħdin jidhru dejjem aktar severi min-naħa tal-awtoritajiet fiċ-Ċina.

Id-dimostrazzjonijiet f’Hong Kong ilhom għaddejjin il-ġimgħat u, fil-parti kbira, kienu karatterizzati mill-konfronti vjolenti bejn id-dimostranti u l-pulizija f’dan it-territorju li jgawdi livell ta’ awtonomija. Sadanittant, ir-rallies organizzati lejn l-aħħar tal-ġimgħa kienu, fil-parti kbira, paċifiċi.

Ir-residenti f’Hong Kong għadhom urtati dwar abbozz ta’ liġi ( fil-preżent sospiż) li għandu jiffaċilita l-proċessi għall-estradizzjoni ta’ residenti lejn iċ-Ċina ‘għall-interessi tal-ġustizzja’. In-nies ta’ Hong Kong qegħdin jibżgħu li l-abbozz jinvolvi pjan min-naħa ta’ Beijing bil-għan li jonqsu l-libertajiet ċivili fit-territorju tagħhom.

Min-naħa tagħha, iċ-Ċina – li żiedet il-preżenza tal-qawwiet tas-sigurtà f’Shenzhen, viċin ta’ Hong Kong – qed tqabbel id-dimostrazzjonijiet ta’ protesta kontinwi ‘mal-attivitajiet ta’ terroristi’.

Il-Front Uman għad-Drittijiet Ċivili qed iservi bħala l-ixprun wara l-protesti f’Hong Kong u għalkemm l-attivisti tiegħu ma ngħatawx awtorizzazzjoni għall-marċ tallum, il-pulizija xorta ħallew lid-dimostranti jorganizzaw l-attività fl-inħawi ta’ Victoria Park – bin-nies anki jimlew it-toroq prinċipali fil-madwar.

Sadanittant, iċ-Ċina tidher li qed titlef is-sabar mad-dimostranti f’Hong Kong u xi osservaturi qegħdin jistennew ‘xi forma ta’ intervent’ mill-awtoritajiet f’Beijing, u li kapaċi jsir minn ħin għall-ieħor.