Internazzjonali

L-Iran iwissi dwar il-preżenza tal-Amerikani u Britanniċi fir-reġjun tal-Golf

Il-Kap tal-Qawwiet tal-Baħar tal-Gwardja Rivoluzzjonarja tal-Iran wissa li l-preżenza tal-bastimenti tal-Istati Uniti u r-Renju Unit fil-Golf qed tkompli tnaqqas mis-sens tas-sigurtà f’dan ir-reġjun.

Skont Alireza Tangsiri, hu ‘proprju l-Iran’ li kapaċi jipprovdi s-sigurtà fil-Golf  b’li jifforma koalizzjoni ma’ pajjiżi oħrajn fir-reġjun.

Il-Kap tan-Navy Iranja saħaq li l-Iran ‘irid u qed jaħdem’ lejn il-paċi u l-istabbilità fir-reġjun tal-Golf.

Madankollu, Tangsiri deher li kien ħiereġ b’ forma ta’ theddida meta qal li ‘f’sitwazzjoni fejn bastiment li juża l-fuel nukleari jispiċċa l-mira ta’ xi ħadd fir-reġjun tal-Golf, il-pajjiżi lejn in-nofsinar tar-reġjun mgħandhomx ikollhom l-ilma tajjeb għax-xorb, minħabba l-effetti tal-kontaminazzjoni’.

It-tensjoni fil-Golf bejn l-Iran, fuq naħa, u l-Istati Uniti u r-Renju Unit ( l-alleati tal-Punent prinċipali) fuq in-naħa l-oħra żdiedet sew wara li l-Iranjani, f’Ġunju, kienu niżżlu drone tal-Amerikani.

Fil-ġimgħat ta’ wara, il-qawwiet tal-Iran anki ħatfu tanker tar-Renju Unit, bl-iskuża li t-tanker kien abbuża minn xi regoli marittimi.

Il-ħtif tat-tanker Britanniku kien seħħ ġimgħatejn wara li r-Royal Marines tar-Renju Unit kienu żammew tanker tal-Iran fuq suspett li dan kien qed iwassal kunsinna żejt lejn is-Sirja bi sfida ċara tas-sanzjonijiet imposti mill-Unjoni Ewropea għall-Gvern tal-President Sirjan, Bashar al-Assad.

Dan meta s-Sirja hi alleata ewlenija tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.