Daniil Medvedev irkupra minn set minn taħt biex għeleb lis-sid numru wieħed tad-dinja Novak Djokovic u għadda għall-finali tal-Western and Southern Open fejn se jilgħab kontra David Goffin. Minkejja li tilef l-ewwel set, ir-Russu rkupra minn break point u 4-3 minn taħt fit-tieni set biex ta telfa pjuttost rari lil Djokovic.
Is-Serb li l-uniku titlu tal-Masters wasal din is-sena f’Madrid, kien megħlub f’siegħa u 43 minuta. Medvedev li tal-anqas se jitla’ fis-seba’ post fir-rankings tad-dinja, jinsab għaddej minn forma pożittiva hekk kif għadda għat-tielet finali konsekuttiva.
Ir-Russu tilef biss tnejn mill-aħħar 15-il logħba, iżda ż-żewġ telfiet waslu fil-finali kontra Nick Kyrgios f’Washington u Rafael Nadal f’Montreal. Qabel din is-sena, Medvedev qatt ma qabeż it-tielet rawnd f’avveniment tal-Masters, iżda r-Russu li għeleb ukoll lil Djokovic f’Monte Carlo, wasal tal-anqas mal-aħħar erba’ fi tlieta mill-aħħar erba’ tournaments tal-Masters.
Fil-finali jaffronta lil David Goffin li wasal sal-finali wara li l-Belġjan għeleb lil Richard Gasquet 6-3, 6-4 biex ukoll għadda għall-ewwel finali tiegħu tal-Masters. Goffin li għeleb lil Medvedev fit-tielet rawnd ta’ Wimbledon aktar kmieni din is-sena, qed ifittex l-ewwel titlu mill-2017.
//= $special ?>