Atletika Sport

Pedro Lopez de Haro u Tara Abdilla rebbieħa tas-serje 5k organizzata minn Birkirkara St Joseph

(Ritratti: Angie Conti/Birkirkara St Joseph)

Pedro Lopez de Haro u Tara Abdilla kienu dikjarati rebbieħa tal-kategoriji tal-irġiel u n-nisa rispettivament wara t-tielet u l-aħħar tellieqa tal-Eurosport BSJ 5k Road Running Series li saret fl-Imtarfa. Is-serja ġiet organizzata mill-klabb ta’ Birkirkara St Joseph taħt l-awspiċi tal-MAAA.

Fil-klassifika ġenerali, Lopez de Haro kien segwit minn Simon Spiteri u Mark Herrera filwaqt li fil-kategorija tan-nisa, Margaret Seguna u Celine Pace segwew lil Abdilla.

Fit-tielet tellieqa, Lopez de Haro rebaħ it-tellieqa, b’Simon Spiteri jispiċċa t-tieni filwaqt li Shaun Galea temm it-tielet. Fuq in-naħa l-oħra, Tara Abdilla ssiġillat rebħa oħra wara li għelbet kompetizzjoni minn Joelle Cortis li rritornat, u Margaret Seguna.

Is-Segretarju Ġenerali ta’ Birkirkara St Joseph Sports Club Euchar Camilleri qal li minkejja l-kundizzjonijiet sħan, il-parteċipazzjoni kienet eċċellenti. Hu żied li l-klabb għamel l-almu tiegħu biex l-atleti kollha jkollhom esperjenza pożittiva u rringrazzja lil dawk involuti li kkollaboraw.

Il-President tal-klabb Raymond Grech ippreżenta l-midalji u t-trofej lir-rebbieħa tat-tellieqa filwaqt li l-President tal-Malta Amateur Athletics Associaton Edwin Attard ippreżenta t-trofej lir-rebbieħa tas-serje.

L-avveniment li jmiss tal-atletika ta’ Birkirkara St Joseph se tkun il-Eurosport Malta International Challenge Marathon li se ssir bejn it-22 u l-24 ta’ Novembru. Aktar informazzjoni u reġistrazzjoni tista’ ssir fuq is-sit maltachallengemarathon.com