Lokali

‘Qabżu xahrejn u għadna mingħajr ġustizzja’ Inbidlet ħajjithom minħabba t-traskuraġni ta’ ħaddieħor

Aktar minn xahrejn wara li ġġarraf il-ħajt ta’ blokka appartamenti fi Triq Mimosa f’Tal-Pietà u l-inkjesta maġisterjali għadha inkonkluża, bil-5 familji għadhom fil-limbu ta’ x’se jiġri b’ħajjithom.

“Aħna li rridu li ssir ġustizzja, li għandu jsir isir. Issa qegħdin nistennew l-inkjesta għax minn hemm nistgħu nagħmlu l-proċeduri li hemm bżonn. Għalissa ma nistgħu nagħmlu xejn u jkollna ngħaddu minn ħafna skariġġi ‘l hemm u ‘l hawn.”

Kliem il-vittma ta’ din it-traġedja, Martin Gatt, meta kien qed jitkellem magħna waqt waħda miż-żjarat ta’ kuljum li jagħmel lid-dar tiegħu bit-tama li xi darba, hu u familtu għad jirritornaw f’daru. Għajr għall-intervent tal-Awtorità tal-Ippjanar, il-familji f’din il-blokka tħallew lampa stampa għal rieħhom mill-awtoritajiet, il-kuntrattur, u s-sid tal-post fejn kien qed isir ix-xogħol biswit il-blokka tagħhom:

“S’issa ma rċievejna ebda għajnuna oħra. Kulħadd ħa jibqa’ fil-post li ngħata għalissa naħseb. Il-mara tiegħi m’hijiex komda fid-dar li ngħatajna għaliex ikollha titla’ 3 sulari taraġ, u ġejna agħar milli konna għax hawnhekk tgħid kellna sular u pjan wieħed.”

Dan l-iskariġġ u l-inkovenjent għall-familja Gatt seħħ fid-dawl li fi żmien ħmistax kellhom joħorġu minn post provdut f’Wied il-Għajn mill-kuntrattur li wettaq il-ħsara biex ġew rilokati Ħaż-Żebbuġ. Il-familji l-oħra ukoll spiċċaw imferrxa madwar Malta f’Ħaż-Żebbuġ, ir-Rabat, l-Imsida u l-Mosta. It-traġit ta’ Martin Gatt għax-xogħol ukoll twal għaliex qabel kien jaħdem viċin ħafna tad-dar tiegħu:

“Għandi aktar ħela ta’ diesel u petrol bla bżonn għax dawn ma kinux pjanati. Ikolli naħseb ħafna aktar qabel biex immurr għax-xogħol għax ġo Ħal Qormi nispiċċa neħel. Hawnhekk kelli niżla u nasal għax-xogħol. U Ħaż-Żebbuġ m’għandix il-kumditajiet li kelli tal-Pietà għax kellna kollox madwarna hawnhekk.”

Biss biss, biex ikollhom jidħlu jġibu xi ħaġa mid-dar, dawn iridu jagħmlu talba fl-Għassa tar-Rabat biex forsi jħalluhom jidħlu 5 minuti biss fil-post. Wieħed irid iqis li issa qed joqorbu l-istaġuni xitwin u r-residenti tal-blokka m’għandhomx ħwejjeġ xitwin x’jilbsu peress li ħarġu b’ta’ fuqhom senduqhom. Numru ta’ appliances, bħal chest freezers u fridges, kienu mimlija bl-ikel u lanqas jistgħu jarmu l-ikel ta’ ġo fihom li mar peress li anki d-dawl qatgħulhom mingħajr ma kienu jafu.

Huwa temm irodd ħajr lil numru ta’ kumpaniji, waħdiet fin-numru, Sindki u kunsilliera tal-inħawi, li għenu lilu u lill-familjari milquta minn din it-traġedja.