Ambjent Lokali

Il-proġett ta’ St. Luċija jhedded l-Ipoġew u t-Tempji ta’ Ħal Tarxien

Esperti fil-kostruzzjoni u l-bini tat-toroq li fil-jiem li għaddew tkellmu ma’ il-mument żvelaw li aspett ferm importanti li sa issa ħadd ma ta kasu fir-rigward tal-iżvilupp ta’ Triq Luqa f’Santa Luċija u l-kostruzzjoni ta’ underpass fl-istess lokalità jista’ jkun ta’ theddida għall-Ipoġew u t-Tempji ta’ Ħal Tarxien.

Minkejja li kemm l-Ipoġew kif ukoll it-Tempji ta’ Ħal Tarxien jistgħu jidhru li huma xi ftit ‘il bogħod mill-iżvilupp propost mill-Gvern għall-kostruzzjoni u l-bini ta’ dan il-proġett massiċċ, fil-verità t-tħammil u t-tħaffir  għall-pedamenti ta’ tali proġett jistgħu jinħassu kemm fis-sisien tal-Ipoġew u anki fis-sisien tat-Tempji ta’ Ħal Tarxien.

Bla dubju ta’ xejn li kostruzzjoni ta’ dimensjoni kbira b’makkinarji u b’inġenji kbar ħafna żgur li tista’ tkun ta’ dannu irreparabbli għal dawn iż-żewġ siti storiċi ta’ importanza mhux biss lokali, iżda internazzjonali.

Is-sorsi li b’kunfidenzjalità kbira tkellmu ma’ il-mument f’rapport tal-ġurnalist Joe Mikallef komplew jispjegaw li dan it-tagħrif żgur li jinsab f’idejn il-Gvern, f’idejn l-Awtorità tal-Ippjanar u anki f’idejn l-Awtorità tal-Ambjent iżda għal xi raġuni ħadd ma lissen kelma waħda dwar il-perikli għal dawn iż-żewġ siti storiċi…  iżda mhu se jwassal għall-ebda żieda ta’ lanes ġodda…  se jwassal biss għat-twessigħ tal-istess lanes diġà eżistenti.

Skont sorsi l-Awtorità tal-Ippjanar injorat għal kollox l-opinjoni tas-Soprintendenza tal-Wirt Kulturali Malti. Heritage Malta ma kenitx konsultata dwar dan il-proġett.

Sadattant matul il-jiem li għaddew kompliet il-ħerba minn għadd kbir ta’ siġar f’Santa Luċija filwaqt li  residenti f’Santa Luċija issa bdew jinsistu biex ikunu jafu għaliex siġar li nqalgħu mil-lokalità tagħhom minn Infrastructure Malta, li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru Ian Borg, ittieħdu biex jitħawlu f’għalqa privata f’Ħad-Dingli.