Sport Sport Ieħor

Tony Drago jħabbatha mas-seba’ darbiet champion tad-dinja Stephen Hendry iżda jitlef il-frame deċiżiv

(Ritratt: World Seniors Snooker)

Il-veteran Malti Tony Drago kien viċin li jegħleb lis-seba’ darbiet champion tad-dinja Stephen Hendry iżda kien eliminat 3-2 fil-fażi tal-aħħar 16 tal-World Seniors Snooker Tour. Dan it-tournament li qed isir fi Crucible Theatre f’Sheffield, immarka r-ritorn ta’ Drago f’dan il-post leġġendarju hekk kif kkompeta għall-ewwel darba f’dan il-post mill-2005.

Drago wera l-kwalitajiet tiegħu tul il-logħba kontra avversarju ta’ livell li ddomina s-snin 90. L-istil tiegħu baqa’ dak veloċi iżda wkoll b’mumenti tattiċi u difensivi tajbin. Madankollu n-nuqqasijiet ta’ boċċi faċli tul il-konfront spiċċaw biex kienu determinanti.

Fl-ewwel frame, Tony Drago rebaħ 79-70 wara li rkupra minn żvantaġġ ta’ 52-8. L-ewwel għamel break ta’ 23 punt u wara li Hendry falla boċċa ħamra fir-rokna xellugija ta’ isfel, Drago għamel break ieħor ta’ 30 punt u mar 61-52 fil-vantaġġ.

Drago falla boċċa ħamra li dehret faċli u Hendry naqqas id-distakk għal tliet punti wara li falla milli jdaħħal il-boċċa l-ħadra fir-rokna leminija ta’ fuq. Hendry rebaħ 12-il punt minħabba li Drago ma laqatx il-boċċa l-ħadra għal tliet darbiet konsekuttivi iżda wara li Hendry ħalla l-boċċa l-ħadra miftuħa, Drago approfitta u daħħal il-boċċi l-ħadra, il-kannella, il-blu u r-roża biex għalaq l-ewwel frame.

(Ritratt: World Seniors Snooker)

Fit-tieni frame l-Malti bena vantaġġ ta’ 18-4 iżda spiċċa 43-18 minn taħt wara break tajjeb ta’ Hendry. L-Iskoċċiż falla l-boċċa s-sewda fir-rokna leminija ta’ isfel iżda wara perjodu ta’ difiża miż-żewġ plejers, Hendry sab l-opportunità t-tajba biex għalaq it-tieni frame 65-18.

Hendry irnexxielu jagħmel break ta’ 54-0 fit-tielet frame u wara li kabbar il-vantaġġ b’erba’ punti oħra, Drago għamel rimonta u daħal fil-logħba bi break ta’ 29. Iżda hu falla boċċa sewda faċli qabel il-bidu tal-boċċi tal-kulur. Hu b’xi mod baqa’ fil-logħba u għamel l-iskor 41-60 u kien fadal fuq il-medja l-boċċi r-roża u s-sewda. F’okkażjoni minnhom iddefenda ħażin u ppermetta lil Hendry biex jagħmel il-boċċa r-roża u għalaq il-frame 66-41.

(Ritratt: World Seniors Snooker)

Tony Drago kellu bżonn jirbaħ ir-raba’ frame u rnexxielu jmur 34-0 minn fuq. Hendry għamel break ta’ 18-il punt u wara li Drago għamel disa’ punti konsekuttivi, Hendry daħal fil-logħba bi break ta’ 23 punt iżda falla l-boċċa s-sewda qabel mar għall-kuluri. Bi skor ta’ 43-41 favur Drago, Hendry iddefenda ħażin u wassal biex Drago għalaq il-frame meta għamel il-boċċi tal-kulur isfar, aħdar, kannella, blu u roża biex rebaħ il-frame 63-41 u sforza l-logħba deċiżiva.

Fl-aħħar frame, kien Hendry li għamel l-ewwel 17-il punt iżda Drago wieġeb bi break ta’ 19-il punt madankollu falla boċċa blu li kienet faċli fin-nofs. Hendry ħa vantaġġ u għamel 46 punt konsekuttiv u għalkemm Drago prova jisforza xi snookers, kien diffiċli għalih biex jibqa’ fil-logħba u wara li laqat il-boċċa r-roża, kkonċeda r-rebħa lil Hendry.