Sport Sport Ieħor

William Chetcuti jitlef il-kwalifikazzjoni għall-finali fl-aħħar ħames plattini

William Chetcuti kien ferm viċin li jikkwalifika għall-finali tat-trap waqt ir-raba’ Tazza tad-Dinja tas-sena organizzata mill-ISSF li qed issir bħalissa f’Lahti l-Finlandja. Il-kompetizzjoni tat-trap saret fuq tlett ijiem, b’żewġ rawnds il-Ħamis, rawnd il-Ġimgħa u żewġ rawnds is-Sibt.

Dan ir-riżultat kien l-aħjar wieħed għal Chetcuti fit-trap waqt Tazza tad-Dinja iżda għalkemm il-11-il post minn 157 tiratur jista’ jitqies riżultat tajjeb, Chetcuti żgur li jħossu diżappuntat kif żvolġew l-affarijiet. Chetcuti temm b’total ta’ 116-il plattina minn 125. Hu falla tnejn mill-ewwel ħamsa iżda għamel il-kumplament u għalaq l-ewwel rawnd bi 23 plattina. Chetcuti għamel straight fit-tieni rawnd u 24 plattina fit-tielet rawnd.

Bi 23 plattina fir-raba’ rawnd, hu kien jinsab fil-quċċata flimkien ma’ Andreas Loew tal-Ġermanja u Yavuz Ilnam tat-Turkija b’total ta’ 95 plattina minn 100. Iżda fl-aħħar rawnd, Chetcuti spiċċa tilef kollox hekk kif wara li fl-ewwel 20 plattina kien tilef waħda biss, it-tiratur Malti tilef tlieta mill-aħħar ħamsa u għalaq b’21 minn 25.

Hu temm b’116-il plattina, waħda bogħod minn shoot-off għall-finali u tlieta anqas minn Loew li temm il-fażi ta’ kwalifikazzjoni fl-ewwel post. Fil-finali magħmula minn sitt tiraturi, ir-Russu Alexey Alipov rebaħ il-midalja tad-deheb segwit minn Joao Azevedo tal-Portugall u t-Taljan Mauro De Filippis.

Fit-trap ħadu sehem ukoll it-tiraturi Maltin Brian Galea u Stephen Vella. Galea temm fit-83 post b’total ta’ 107 plattini wara rawnds ta’ 20, 21, 23, 21 u 22 rispettivament. Stephen Vella temm b’total ta’ 99 plattina wara li laqat 19, 18, 21, 21 u 20 biex spiċċa fil-133 post.

It-tiraturi kkompetew biex jiksbu punti importanti biex jippruvaw jikkwalifikaw għall-finali tat-Tazza tad-Dinja f’Al Ain f’Ottubru li ġej. Ukoll apparti l-midalji,  jeżistu żewġ postijiet għall-kwota biex jieħdu sehem fl-Olimpjadi tas-sena d-dieħla. L-Erbgħa u l-Ħamis li ġej ikunu fl-azzjoni t-tiraturi Maltin fis-skeet. Dawn huma Clive Farrugia, Marlon Attard u Bozhidar Dimitrov.