Lokali Qorti

Żagħżugħ ta’ 16-il sena jhedded lis-sieħba ta’ missieru b’ħarpun

Żagħżugħ li ismu ma jistax jixxandar minħabba li huwa minorenni, nżamm taħt arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat li żamm lis-sieħba ta’ missieru u lil binha ta’ 4 snin kontra l-volontà tagħhom waqt argument.

Il-każ seħħ tul il-jum tas-Sibt hekk kif allegatament waqt argument li seħħ f’Ħaż-Żabbar, l-akkużat hedded lill-mara b’ħarpun tas-sajd bil-konsegwenza li kkawżalha ġrieħi ħfief. Dan filwaqt li l-ġuvni ġie mixli li fix-xhur ta’ qabel kien diġà hedded lill-vittma kif ukoll lil missieru stess.

Filwaqt li ż-żagħżugħ ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih, l-Avukat tal-għajnuna legali Fransina Abela spjegat li l-argument nibet bejn l-akkużat u missieru minħabba li t-tifel ried imur jgħix għal rasu. Dan filwaqt li preċiżat tgħid li l-ġuvni isofri mill-kundizzjoni tal-ADHD, kundizzjoni li fl-ebda mument ma ngħata kura għaliha.

Filwaqt li l-avukat difensur talbet għall-ħelsien mill-arrest, insistiet li l-akkużat kellu xogħol fiss u li ommu kienet lesta tilqgħu f’darha.

Madanakollu, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Eman Hayman, oġġezzjonat, u fakkret li dan ma kienx l-ewwel episodju li l-akkużat infexx f’theddid.

Għaldaqstant iż-żagħżugħ ta’ 16-il sena – nżamm taħt arrest.