Lokali

Żewġt t’irġiel l-isptar wara ħabta f’Birżebbuġa

Żewġ t’irġiel ittieħdu l-isptar wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku f’Birżebbuġa. L-inċident seħħ fi Triq Għar Dalam għal ħabta tas-6:20 a.m.

Raġel ta’ 49 sena mir-Renju Unit ħabat bil-vettura ma’ karozza oħra misjuqa minn żagħżugħ ta’ 28 sena mill-Eritreja li jgħix Birżebbuġa.

Flimkien mar-raġel mir-Renju Unit kien hemm ukoll passiġier żagħżugħ ta’ 22 sena li n-nazzjonalità tiegħu għadha mhix magħrufa.

Fuq il-post marru l-Pulizija u l-Protezzjoni Ċivili, li għenu lil Eritrejan joħroġ mill-vettura u kif ukoll kellhom jaqilgħu pilastru mill-karozza tiegħu.

Ir-raġel ta’ 49 sena u ż-żagħżugħ ta’ 22 sena ttieħdu l-isptar Mater Dei għal aktar kura fejn il-Brittaniku ġie ċertifikat li ġarrab ġriehi gravi filwaqt li ż-żagħżugħ ġie ċertifikat li ġarrab ġriehi ħfief.

It-triq kellha għal xi ħin tingħalaq għat-traffiku.

Il-pulizija qed tinvestiga dan l-inċident.