Boris Johnson determinat għal ftehim ġdid dwar Brexit
Il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, fil-jiem li jmiss, għandu jinforma lill-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea dwar il-ħtieġa ta’ ‘ftehim ġdid dwar Brexit’.
Johnson misstenni jwassal dan il-messaġġ speċifiku waqt l-ewwel żjara tiegħu barra r-Renju Unit bħala Prim Ministru. L-insistenza prinċipali għandha tkun dwar ‘id-determinazzjoni tar-Renju Unit li jispiċċa minn membru tal-UE bi ftehim mal-Istati Ewropej jew mingħajru’.
Sadanittant, is-Sunday Times ta’ Londra pubblikat dokumenti tal-Gvern ( permezz ta’ leak) li qegħdin iwissu dwar nuqqasijiet ta’ ikel, mediċina u fuel ‘għall-poplu Britanniku’ f’każ li r-Renju Unit iħalli l-Unjoni mingħajr ftehim konkret.
Min-naħa tagħhom, is-sorsi qrib l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Johnson qalu lill-BBC li ‘eks Ministru Britanniku’ kien ħareġ din l-informazzjoni bil-ħsieb li jinfluwenza d-diskussjonijiet futuri bejn Boris Johnson u l-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea.
Id-dokumenti qed jgħidu li studju (imlaqqam Operation Yellowhammer u li sar bis-sehem tal-entitajiet rappreżentati fil-Gvern) dwar it-tħejjijiet għal no-deal Brexit żvela li r-Renju Unit kapaċi jsofri minn ‘xhur ta’ taqlib fil-portijiet tiegħu’.
Ingħad ukoll li l-pjani biex ma tkunx implimentata ‘fruntiera riġida’ bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Irlandiża fl-eventwalità ta’ no-deal Brexit ma jidhrux li se jkunu sostenibbli.
Id-dossier irrappurtat mill-gazzetta Britannika itenni li t-tluq tar-Renju Unit mill-UE mingħajr ftehim kapaċi jwassal għal żieda fil-prezz tal-ikel frisk ( fost in-nuqqasijiet) u t-telf potenzjali ta’ 2,000 impjieg f’każ li l-Gvern jistabbilixxi t-tariffi fuq l-importazzjoni tal-petrol maż-0%.
Konsegwenza potenzjali oħra hi li l-pazjenti fir-Renju Unit ikollhom jistennew aktar fit-tul għall-mediċina li tinkludi t-tilqim kontra l-influwenza – bit-tensjoni u l-inkwiet qalb il-komunitajiet mistennija jieħdu spinta min-nuqqasijiet tal-mediċina u l-ikel.
Hemm ukoll il-possibbiltà ( fil-każ ta’ no-deal Brexit) ta’ dawmien fit-tul għall-passiġġieri fl-ajruporti tal-UE, kif ukoll għan-nies li jridu jivvjaġġaw minn Dover u l-Eurotunnel.
//= $special ?>