L-eks President tas-Sudan, Omar al-Bashir tressaq il-qorti biex jiffaċċja akkużi dwar korruzzjoni li, skont l-avukati tiegħu, ‘ma għandhom l-ebda bażi fir-realtà’.
Bashir kien tkeċċa mill-Presidenza f’April li għadda, wara xhur ta’ protesti popolari li ġabu fi tmiem l-amministrazzjoni tiegħu li damet għal kważi tletin sena.
F’Ġunju li għadda, il-prosekuturi qalu li nstabu kwantitajiet ta’ flus barranin moħbija fi xkejjer tal-qamħ fir-residenza tal-eks President Sudaniż.
Intant, Bashir twassal il-qorti akkumpanjat minn skorta kbira ta’ militar u fost is-sigurtà intensiva barra l-bini tal-qorti, fil-belt kapitali ta’ Khartoum.
Dan meta hu qed jiffaċċja akkużi relatati ‘għall-pussess ta’ flus barranin, korruzzjoni u sitwazzjonijiet fejn hu kien aċċetta r-rigali illegalment’.
Il-każ qed jingħata prominenza wara li l-attivisti favur id-demokrazija u l-kapijiet militari Sudaniżi, nhar il-Ħadd, iffirmaw ftehim li jwitti t-triq għall-elezzjonijiet fis-Sudan.
//= $special ?>