Internazzjonali

IL-Ġermanja: Ma jemmnux li l-qawwiet armati jistgħu jiddefenduhom

Numru sostanzjali ta’ Ġermaniżi li wieġbu għal stħarriġ jemmnu li l-Armata tal-Ġermanja m’għandhiex tkun effettiva f’sitwazzjoni ta’ theddida attiva fuq livell nazzjonali. L-istħarriġ tal-Emnid għall-ġurnal Bild sab ukoll li mat-62 fil-mija tar-rispondenti ma jemmnux li l-qawwiet armati Ġermaniżi huma kapaċi biex jiddefendu pajjiżhom.

Ir-riżultati tal-istħarriġ mistennija jimbarazzaw lill-Bundeswehr (il-qawwiet armati tal-Ġermanja) meta n-nuqqasijiet f’dan il-militar spikkaw kemm-il darba fl-aħbarijiet. Fost l-aħbarijiet li xeħtu dawl ikrah fuq l-Armata Ġermaniża kien hemm rapporti dwar ajruplani tal-gwerra li m’humiex kapaċi għas-servizz kif ukoll dwar suldati ‘li ma jixirqilhomx li jilbsu l-uniformi’ inkella li jħaddnu l-fehmiet estremisti.

Intant, xi 75 fil-mija tal-Ġermaniżi qalu li ma jħossuhomx ‘vulnerabbli’ f’sitwazzjoni fejn il-militar Amerikan joħroġ mill-Ġermanja u meta deħlin ir-rapporti li l-Istati Uniti kapaċi tmexxi l-assi militari tagħha lejn il-Punent.

Żewġ ambaxxaturi Amerikani, qabel, kienu indikaw il-possibbiltà li l-Istati Uniti tirreloka l-qawwiet tagħha (mill-Ġermanja) lejn il-Polonja, meta Washington jinsab urtat dwar ‘in-nuqqas ta’ nefqa  mill-Ġermanja fuq id-difiża’.

Filwaqt li l-Ġermanja ma laħqitx il-mira għall-infiq fuq id-difiża tagħha (stabbilit mat-tnejn fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku (GNP)), il-Polonja rnexxielha f’dan it-tragward – b’uħud qed iqisuha bħala ‘bażi ideali għall-kontinġent militari Amerikan’.

Sadattant, il-politiċi Ġermaniżi ma laqgħux tajjeb din l-ispekulazzjoni, bil-membri tax-xellug fl-Oppożizzjoni jissuġġerixxu li ‘f’każ li tirtira lis-suldati (Amerikani) mill-Ġermanja, l-Istati Uniti għandha taħseb ukoll għall-irtirar tal-armi nukleari tagħha’.