Internazzjonali

Is-Sirja: Tħassib dwar il-qtil ta’ ċivili waqt attakk fuq konvoj

L-aġenziji għar-refuġjati huma inkwetati ferm dwar il-qtil ta’ ċivili fil-provinċja Sirjana ta’ Idlib u li seħħ meta qawwiet tal-ajru tal-Gvern Sirjan kienu qed jippruvaw iwaqqfu konvoj tat-Torok milli jaslu f’belt ikkontrollat mir-ribelli fit-Tramuntana tas-Sirja.

Il-provinċja ta’ Idlib hi fost il-ftit zoni fis-Sirja li mhumiex ikkontrollati mill-Gvern u suppost li hi protetta minn buffer zone li l-awtoritajiet Sirjani kienu qablu dwaru mat-Turkija, matul is-sena li għaddiet.

Intant, il-Ministeru tad-Difiża Tork qal li ndarbu numru sostanzjali ta’ nies waqt l-attakk mill-ajru fuq Idlib — bl-assalti mill-qawwiet tal-Gvern Sirjan ilhom jingħataw spinta minn April ‘il hawn.

Inqatlu diġà l-mijiet taċ-ċivili Sirjani fost il-biża’ li jistgħu jmutu ħafna oħrajn f’każ li l-vjolenza tkompli teskala.

Jan Egeland, mill-Kunsill tar-Refuġjati tan-Norveġja, qal li dak li qed iseħħ bħalissa f’Idlib ‘hu tassew ħmar-il lejl’ meta l-entitajiet ta’ fejda ilhom is-snin iwissu dwar il-potenzjal kbir ta’ katastfofi umana f’dawk l-inħawi.

F’Idlib qed jgħixu l-miljuni ta’ ċivili u jidher li mhemm l-ebda mod kif dawn jistgħu jaħarbu mill-agħar eċċessi tal-gwerra. Dan meta hemm ukoll preżenza ta’ militanti f’Idlib u l-akbar biża’ hi li għexieren ta’ eluf ta’ tfal (f’Idlib) kapaċi jispiċċaw fl-eqqel ta’ battalja sal-mewt bejn dawn il-militanti u l-Armata tal-President Sirjan Bashar al-Assad