Bastiment tal-Iran li kien ilu minn Lulju miżmum f’Ġibiltà ħareġ mill-port u qabad direzzjoni lejn il-Mediterran.
Dan il-bastiment, jew tanker, kien ilu żmien fiċ-ċentru ta’ kontroversja minħabba s-suspett li kien qed iwassal kunsinna ta’ żejt lis-Sirja bi sfida għas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti.
L-aħħar rapporti indikaw il-port ta’ Kalamata (fil-Greċja) bħala d-destinazzjoni tat-tanker – li kellu ismu mibdul minn Grace 1 għal Adrian Darya-1.
L-awtoritajiet f’Ġibiltà, qabel, kienu ċaħdu t-talba tal-Istati Uniti biex ‘jieħdu lura l-kontroll tat-tanker’. Din it-talba ‘tal-aħħar minuta’ kienet saret nhar il-Ġimgħa, proprju l-għada li l-awtoritajiet f’Ġibiltà rtiraw id-direttiva għad-detenzjoni tat-tanker.
L-istess awtoritajiet qalu li ma setgħux jilqgħu t-talba tal-Amerikani biex jinħareġ detention order ġdid għall-bastiment, minħabba li s-sanzjonijiet tal-Istati Uniti għall-Iran m’humiex applikabbli fl-Unjoni Ewropea.
Sadattant, ma kienx ċar għalfejn it-tanker kien fi triqtu lejn il-Greċja. L-osservaturi suġġerew li l-ibħra ’l hinn mill-port ta’ Kalamata ‘setgħu jservu bħala zona ideali għat-trasferiment ta’ kunsinna minn vapur għal ieħor’.
Kien anki rappurtat li l-Iran kellu jibgħat bastiment tal-gwerra bħala skorta għall-Adrian Darya-1 – bl-Iranjani, fl-aħħar sigħat, joħorġu twissija ‘biex l-Istati Uniti ma tippruvax taħtaf dan it-tanker fl-ibħra internazzjonali’.
Fl-istess ħin, tanker ieħor irreġistrat fir-Renju Unit kien għadu qed jinżamm mill-Iran li kien ħataf il-kontroll tiegħu f’Lulju li għadda.
Filwaqt li kien hemm xi spekulazzjoni dwar ‘it-tpartit ta’ tankers potenzjali’ f’każ li t-tanker Iranjan kellu jitlaq minn Ġibiltà, is-sorsi uffiċjali baqgħu jiċħdu dwar din il-possibbiltà.
//= $special ?>