Internazzjonali

Iż-żejt: L-ebda impenn konkret biex il-prezz ma jonqosx

L-osservaturi fil-qasam taż-żejt qablu li l-Arabja Sawdija – bħala l-pajjiż ewlieni tal-OPEC – mhix se tagħmel ‘minn kollox possibbli’ biex tevita t-tnaqqis regolari fil-prezzijiet taż-żejt globali li spikka bħala fattur konsistenti mill-bidu tas-sena ’l hawn.

Huma waslu għal din il-konklużjoni minkejja li uffiċjal tal-Gvern Sawdi kien tenna li pajjiżu ‘m’għandux jittollera sitwazzjoni fejn il-prezzijiet ikomplu jaqtgħu lura’.

Wara li l-prezz taż-żejt mhux irraffinat, dan ix-xahar, niżel fl-aktar livell baxx għal dawn l-aħħar seba’ xhur, l-Arabja Sawdija kienet ikkuntattjat lill-pajjiżi l-oħrajn tal-OPEC+ (il-grupp tal-pajjiżi li jipproduċu ż-żejt, flimkien mar-Russja) biex jiddiskutu l-miżuri possibbli ħalli jindirizzaw iċ-ċirkustanzi.

Madankollu, l-inizjattiva ma tidhirx li rabbiet l-għeruq fost l-Istati tal-OPEC meta mhux eskluż li l-prezzijiet taż-żejt jieħdu daqqa oħra ’l isfel fix-xhur li ġejjin.

Il-Ministeru tar-Russja nkarigat mill-Enerġija semma l-importanza li jittieħdu ‘l-azzjonijiet responsabbli’ fejn is-suq jingħata ‘biss’ l-ammonti taż-żejt meħtieġa.

Madankollu, hemm sinjali li r-Russja mhix iżżomm mal-miri tal-produzzjoni li ftehmet mal-OPEC fl-aħħar tal-2018. Dan meta r-Russja pproduċiet mal-11.32 miljun barmil żejt fl-ewwel 15-il jum ta’ dan ix-xahar li juru żieda ta’ 180,000 barmil minn Lulju u produzzjoni ogħla mil-livell ‘imwiegħed’ għal kuljum (ta’ 11.19-il miljun barmil).

Fil-fatt, ir-Russja – bħala produttur — kapaċi tiflaħ aktar għall-prezzijiet baxxi konsistenti fis-settur milli tiflaħ l-Arabja Sawdija. F’din is-sitwazzjoni, is-sanzjonijet tal-Istati Uniti għall-esportazzjoni taż-żejt mill-Iran u l-Veneżwela ‘stimulaw’ id-dħul miż-żejt għar-Russja bl-ekwivalenti ta’ biljun dollaru, minn Novembru ’l hawn.

Sadattant, lanqas il-pajjiżi l-oħrajn tal-OPEC ma jidhru li qegħdin jgħinu biex il-prezz taż-żejt jagħmel qabża ’l quddiem. L-akbar pajjiż fosthom – l-Iraq – waqt l-ewwel parti ta’ Awwissu esporta l-ogħla ammont ta’ żejt mhux irraffinat għal dawn l-aħħar tliet xhur. Dan kien ikkonfermat mid-data tat-tanker-tracking tal-Bloomberg. Intant, kienet anki qawwija l-esportazzjoni taż-żejt mill-pajjiżi Afrikani tal-Punent.

Is-sinjali, mill-Arabja Sawdija, li ‘mhix lesta ġġorr il-piż waħedha’ wkoll qegħdin jindikaw li l-prezzijiet globali taż-żejt iridu jonqsu jerġa’ aktar fix-xhur li ġejjin.