Futbol Sport

Manchester United jerġgħu jkunu miżmuma minn Wolves

(Ritratt: Premier League)

Manchester United reġgħu waqqgħu l-punti f’Molineux Stadium hekk kif kienu miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Wolves f’logħba pjaċevoli. Fl-istaġun li għadda, Wolves kienu kisbu draw f’Old Trafford u rebħa f’darhom qabel kienu eliminaw lir-Red Devils mill-FA Cup. B’dan ir-riżultat, Manchester United jinsabu b’erba’ punti wara żewġ logħbiet diffiċli filwaqt li Wolves kisbu t-tieni draw wara dak ta’ ġimgħa ilu kontra Everton.

Manchester United fetħu l-iskor fit-28 minuta f’azzjoni mill-isbaħ li fiha Jesse Lingard għadda vertikalment lejn Anthony Martial li b’xutt fis-saqaf tax-xibka għeleb lil Rui Patricio.

Wolves kienu sfortunati li ma skorjawx il-gowl tad-draw fil-55 minuta. Raul Jimenez daħal tajjeb minn free-kick mil-lemin fuq l-ewwel lasta u b’daqqa ta’ ras stampa l-wieqfa, bil-ballun jaħbat ma’ David de Gea, qabel id-difiża ta’ Manchester United biegħdet il-ballun f’korner. Mill-istess korner, l-azzjoni kompliet, b’Ruben Neves iġib id-draw b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa li ma ta l-ebda ċans lil de Gea jsalva.

Manchester United kellhom ċans tad-deheb li jerġgħu jmorru minn fuq fit-68 minuta meta r-referee Jonathan Moss ordna penalty għal fawl fil-kaxxa ta’ Conor Coady fuq Paul Pogba. Il-Franċiż inkariga ruħu mill-11-il metru iżda Rui Patricio kien attent u salva xutt tal-midfielder.

Iż-żewġ timijiet pruvaw jirbħu l-logħba fl-aħħar mumenti u għalkemm ħolqu xi periklu lejn il-lasti avversarji, iż-żewġ gowlkipers ma kinux impenjati serjament.