Lokali

Residenti mħassba wara mewġa ta’ serq fl-Iklin

Il-Pulizija qed jinvestigaw numru ta’ serqiet li seħħew tul l-aħħar ġimgħa minn residenzi differenti fl-Iklin, dan wara li diversi residenti esprimew it-tħassib tagħhom fuq grupp għar-residenti Ikliniżi fuq il-midja soċjali.

Jidher li l-parti l-aktar għal qalb dawn il-ħallelin hija dik tal-vilel, minħabba li l-biċċa l-kbira tas-serq qed isir propju f’dawn l-akwati.

Tkellimna mas-Sindku tal-Iklin Dorian Sciberras fejn stqarr magħna kif wara li diversi residenti esprimew il-biża tagħhom  minħabba nies suspettużi li qed ikunu  iħufu fiż-żoni tal-Iklin, il-Kunsill Lokali qed jagħmel dak kollu li jista’ sabiex ir-residenti jkunu jistgħu jgħixu aktar b’moħħhom  mistrieħ

Dorian Sciberras kompla billi għamel appell lir-residenti tal-Iklin sabiex jekk jaraw xi attivita suspettuża, iċemplu mill-ewwel lill-pulizija tad-distrett u javżaw  lil tal-madwar sabiex joqgħodu attenti sabiex fejn possibli, il-kriminalita’ ma sseħħx

Is-serq mir-residenzi kompla jiżdied din is-sena, b’għadd ta’ lokalitajiet milquta aktar minn oħrajn fosthom Tas-Sliema u l-Gżira, Marsaxlokk, ir-Rabat u ż-Żejtun fost l-oħrajn.